Internazzjonali

Tonqos it-tensjoni f’Washington wara sparatura qrib il-Capitol

L-awtoritajiet f’Washington qalu li ma teżistix theddida attiva għall-pubbliku wara li l-pulizija, matul il-lejl tat-Tnejn, sparat lejn raġel armat li kien qed jipprova jidħol fiċ-ċentru għall-viżitaturi li jifforma parti mill-bini tal-Capitol, fil-kapitali tal-Istati Uniti.

L-inċident kien ikkonfermat bħala wieħed iżolat u r-raġel, li spiċċa ferut waqt il-konfront mal-pulizija, jinsab l-isptar f’kundizzjoni kritika iżda stabbli. Kien anki kkonfermat li mara li nzertat fil-viċinanzi tal-isparar spiċċat iġġarrab xi ġrieħi ħfief.

Is-suspettat ferut hu raġel ta’ 66 sena minn Tennessee bl-isem ta’ Larry Dawson. Dan ir-raġel hu magħruf mal-pulizija stazzjonati fil-bini tal-Capitol wara li, is-sena l-oħra, kien ħoloq intoppi waqt sessjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington. Dawson, issa, qed ikun akkużat b’aggrediment b’arma tan-nar u talli hedded pulizija waqt li kien armat.

Wara l-inċident tat-Tnejn, il-livell ta’ allert żdied sostanzjalment madwar il-kumpless tal-Capitol, iżda t-tensjoni fl-inħawi tidher li naqset fl-aħħar sigħat, meta kollox jindika li l-każ ma seħħx b’xi skop terroristiku. Tneħħew ukoll numru ta’ prekawzjonijiet tas-sigurtà wara li ħafna bnadi tal-kapitali kienu spiċċaw taħt hekk imsejjaħ lockdown, fejn kien ipprojbit aċċess miz-zoni partikolari.

Il-Kungress Amerikan bħalissa mhux jiltaqa’ minħabba l-btajjel tal-Għid, iżda hu mifhum li xi membri tal-Kungress u tal-istaff kienu qegħdin f’dan is-sit waqt li kienet għaddejja d-drama. Fil-preżent, hemm ammont kbir ta’ turisti f’Washington biex jattendu l-festival annwali ta’ Cherry Blossom, li qed ikun organizzat fil-kapitali, fuq numru ta’ ġimgħat.