Futbol Qorti Sport

Aġġornata: Titressaq l-ewwel persuna wara l-allegat każ ta’ ‘matchfixing’ fil-logħba ta’ Malta U/21

Żagħżugħ ta’ 21 sena, Seyble Zammit, hu l-ewwel persuna li tressaq il-Qorti biex jaffaċċja akkużi relatati ma’ rranġar ta’ logħob tal-futbol, fosthom il-logħba tat-Tim Nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra l-Montenegro.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li fil-mira tal-persuni involuti aktarx li kien hemm ukoll il-logħba tat-Tlieta bejn Malta u r-Repubblika Ċeka. Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Zammit ġie akkużat li fforma parti minn ċirku akbar ta’ persuni, kemm Maltin u barranin, li jinvolvi somom kbar ta’ flus.

Zammit wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-Avukat tiegħu, Mario Mifsud, jgħid li l-klijent għadu żgħir u hu biss brimba żgħira f’għanqbuda kbira li tagħha hu vittma.

Madankollu, l-Ispettur Sean Scicluna, li qed imexxi l-investigazzjonijiet, qal lill-Qorti li l-akkużat ikkollabora f’xi waqtiet mal-Pulizija, għalkemm rrifjuta li jiffirma stqarrija li għamel. Kompla li l-ħelsien tiegħu jista’ jwassal biex jinfluwenza l-provi u javviċina x-xhieda hekk kif uħud minnhom huma sħabu.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat numru ta’ plejers tat-Tim Nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kienu qed jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija tant li t-Tlieta filgħaxija stess, wara l-partita kontra r-Republika Ċeka, dawn kienu mitluba jmorru dritt id-Depot tal-Pulizija mill-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Fil-jiem li ġejjin mistennija jitressqu iżjed persuni quddiem il-Qorti dwar dan il-każ.