IN-NAZZJON jiddedika l-ewwel faċċata tiegħu għall-ħtif tal-ajruplan tal-linja tal-ajru EgyptAir minn raġel li qal li kien armat bi splussivi. Il-bdot kien imġiegħel iniżżel l-ajruplan f’Ċipru. Fortunatament il-ħtif intemm b’wiċċ il-ġid hekk kif wara numru ta’ sigħat, ir-raġel ċeda. Ħadd ma weġġa’ matul dan il-ħtif. In-Nazzjon jirraporta wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li matulha is-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake qalet li l-Gvern hu ddisprat u issa sar theddida għad-demokrazija wara li ċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir biddlet deċiżjoni dwar rimedju lill-PN għal żbilanċ fil-programm Dissett dwar l-iskandlu tal-Panama.
TIMES OF MALTA ukoll jirrapporta dwar il-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar priġunieri nisa li huma dovuti eluf ta’ ewro wara li ħadmu fuq diversi xogħlijiet ta’ ħjata u soft furnishings fi proġett li għandu l-appoġġ ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru.
Minbarra l-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir, THE MALTA INDEPENDENT għandu storja dwar it-trasport pubbliku fejn l-operatur qed jiċħad li qed jipprova jeħles mill-ħaddiema Maltin u jimpjega ħaddiema Spanjoli minflokhom. Dan wara li xufier qal li l-kumpanija mhux qed tonora ftehim u arranġamenti ta’ natura soċjali tant li ħafna ħaddiema qed jirriżenjaw minn ma’ Malta Public Transport. Storja oħra fl-ewwel paġna hi dwar Sai Mizzi. Il-ġurnal jirrapporta li s-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera ma jafx x’investimenti ġabet mart il-Ministru Konrad Mizzi lejn Malta.
MALTATODAY jirrapporta dwar il-partit ġdid li qed tifforma l-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia u jgħid li l-ħodor huma mħassbin minħabba nuqqas ta’ direzzjoni ideoloġika. Jirrapporta wkoll dwar l-iskema Ċedoli 2016 u jgħid li l-PN mhux obligat li jiżvela min se jkun qed jieħu sehem f’din l-iskema ta’ self volontarju.
L-ORIZZONT jirrapporta dwar każ ieħor ta’ aggressjoni minn bouncers f’Paceville. Din id-darba fuq żagħżugħ ta’ 19-il sena. L-allegat każ seħħ il-Ħadd filgħaxija. Anki l-Orizzont jirrapporta dwar l-iskema Ċedoli 2016, b’mod partikolari dwar il-kapital misluf u jekk hux se jiġu ppubblikati l-ismijiet ta’ min se jieħu sehem f’din l-inizzjattiva.
//= $special ?>