F’anqas minn 48 siegħa, iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir għamlet żewġ u-turns li jibqgħu mniżżlin fl-istorja għall-aktar mod dilettantesk li Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir ħadet id-deċiżjonijiet tagħha.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, fejn ingħad li wara li t-Tnejn li għadda ċ-Chairperson biddlet weħidha deċiżjoni li l-Awtorità kienet ħadet dwar il-programm Dissett, immexxi mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja, illum iċ-Chairperson daqqett l-irtirata u reġgħet lura għad-deċiżjoni oriġinali tagħha.
Fid-deċiżjoni oriġinali, l-Awtorità tax-Xandir ikkonfermat li fil-programm Dissett tat-2 ta’ Marzu, li għalih Reno Bugeja stieden biss lill-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, “uħud mir-risposti mogħtija kienu kummenti u osservazzjonijiet politiċi li għalihom il-Partit Nazzjonalista kellu d-dritt li jsemma’ l-veduti tiegħu.
Għaldaqstant, l-Awtorità ddeċidiet li tagħti dritt ta’ risposta ta’ tliet minuti, li għandha tixxandar fl-edizzjoni li jmiss tal-programm u tinqara fil-bidu tal-programm mill-preżentatur.
Madanakollu, it-Tnejn li għadda, din id-deċiżjoni nbidlet, biċ-Chairperson tal-Awtorità tiċċensura lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.
Kien biss wara li l-Partit Nazzjonalista qal li lest jieħu l-każ il-Qorti li llum iċ-Chairperson bagħtet ittra li fiha qalet li l-Partit Nazzjonalista jista’ jxandar id-dritt ta’ risposta, skont id-deċiżjoni oriġinali. Id-dritt ta’ risposta se jinqara minn Reno Bugeja waqt il-programm Dissett tal-lejla.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu eżempju ċar ta’ kif il-Gvern Laburista kontinwament qed jipprova jdgħajjef u jaħtaf l-istituzzjonijiet indipendenti f’pajjiżna.
Hu proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, fid-Dokument tiegħu “Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika”, qed jiproponi li l-membri tal-Awtorità tax-Xandir għandhom jinħatru b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament minflok maħtura direttament mill-Prim Ministru.
//= $special ?>

