Kurżitajiet

IĊ-ĊINA: Iħeġġu d-dfin fil-baħar

Resident tal-kapitali Ċiniża Beijing qed ikunu mħeġġa li jorganizzaw id-dfin tal-qraba tagħhom fil-baħar – li jinsab madwar sagħtejn bogħod mill-kapitali. Dan bħala sforz biex jieħdu ħsieb l-art li hemm li kull ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tonqos minħabba l-iżvilupp.
Uffiċjali qalu wkoll li minħabba l-problema serja ta’ tniġġis, in-nies qed ikunu mħeġġa li minflok lapida fuq il-qabar, jħawlu siġra jew fjuri.
Dawn il-proposti saru hekk kif iz-zoni miftuha f’Beijing – fejn jgħixu 22 miljun persuna – qed jonqos dejjem aktar u t-tniġġis jiżdied.
Fiċ-Ċina hemm ukoll drawwa li akbar ma tkun il-lapida aktar kien sinjur dak li hemm midfun kif ukoll xhieda ta’ rispett mit-tfal.
Il-proposti huma parti minn pjan ta’ ħames snin biex iħeġġeġ in-nies ma jkomplux jikru oqbra kbar u d-dfin isir f’postijiet li jirrispettaw l-ambjent.
L-awtoritajiet f’Beijing issa se jibdew joffru madwar 500 ewro għal dawk li jiddeċiedu li jidfnu l-qraba fil-baħar.