Lokali

Il-Gvern isemmi triq għall-Perit Mintoff

Lejliet il-festa tal-31 ta’ Marzu, il-Gvern approva t-tibdil tal-isem ta’ Triq Kordin, it-triq ta’ quddiem l-entratura tal-MCAST, li ġiet imsemmijja Triq il-Perit Dom Mintoff. Ir-raġuni li ingħatat fi stqarrija mill-Gvern hi li din is-sena l-pajjiż se jkun qed ifakkar il-100 sena mit-twelid tal-Perit Duminku Mintoff.

Il-Gvern qal li fost id-diversi raġunijiet ta’ għalfejn intagħżlet din it-triq, fi stqarrija ssemma’ li wieħed mill-punti hu li din it-triq partikolari tista’ tintlaħaq minn Vjal Pawlu Boffa li kien il-Mexxej Laburista qabel ħa l-poter l-istess Perit Mintoff. Fl-istess stqarrija, ingħad ukoll li din it-triq ukoll kellha sehem attiv fil-festa tal-31 ta’ Marzu.

Fl-istess stqarrija, l-Gvern approva li l-fetħa tal-entratura tal-Belt Valletta, quddiem il-bini tal-Parlament Malti, jkollha isem ġdid ukoll dak ta’ Misraħ il-Ħelsien.