Ekonomija Lokali

L-Oppożizzjoni titlob għal tmexxija finanzjarja pubblika aktar b’saħħitha u tqassim aħjar tal-ġid

Għalkemm it-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2015 kien pożittiv, dan kien mgħejjun fil-biċċa l-kbira minn dħul ta’ darba, fosthom il-fondi tal-Unjoni Ewropea, id-dħul mill-bejgħ tal-Passaporti u l-infiq kapitali fuq il-Power Station il-ġdida. Kieku ma kienx għal dawn l-elementi ta’ darba, it-tkabbir reali tal-PDG kien ikun ta’ 1.2% minflok 6.3%.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Laburista s’issa naqas milli jipprovdi tkabbir sostenibbli, li jkun ġej minn titjib fil-kompetittività tal-industriji eżistenti u billi jiġu attirati setturi tan-negozju ġodda għal Malta. Barra minhekk, it-tkabbir ekonomiku ma laħaqx l-oqsma kollha tas-soċjetà tagħna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar tmexxija finanzjarja pubblika b’saħħitha, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco spjega kif l-istatistika maħruġa mill-Gvern turi li l-finanzi pubbliċi marru lura b’77 miljun ewro fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena.

Mario de Marco qal ukoll li d-dejn tal-Gvern fl-aħħar ta’ Frar żdied b’500 miljun ewro fuq l-istess xahar tal-2015. Dan ifisser żieda ta’ 9 fil-mija minkejja t-tnaqqis ta’ 50 fil-mija fin-nefqa kapitali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji ż-Żgħar Robert Arrigo tkellem dwar it-taxxa tal-eko-kontribuzzjoni, li għandha tiddaħħal mill-1 ta’ Ġunju. Stqarr li din se taffettwa familji li jżommu studenti barranin għandhom, skejjel li jgħallmu l-Ingliż, u lukandi għax dawn diġà għandhom kuntratti kurrenti ffirmati flimkien ma’ sistemi ta’ finanzjament li ma jaħdmux bit-tnaqqis ta’ din it-taxxa.

Saħaq li l-Gvern, bħala suppost Gvern li Jisma’, għandu jisma’ lil dan is-settur u jmexxi d-data għall-1 ta’ Novembru biex is-settur ikun jistà jattrezza ruħu għal din it-taxxa.

Dwar iċ-ċifri li ħarġu mill-Gvern, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono talbet għal tkabbir sostenibbli li jinżel fi bwiet in-nies u mhux jibqa’ biss ċifra fuq karta. Saħqet li inutli li ċ-ċifri ekonomici juru tkabbir jekk dan ma jkunx rifless fi bwiet in-nies.

Kristy Debono rreferiet ukoll għaċ-ċifri li ħareġ il-Gvern stess mal-Baġit u li juru li l-pagi medji ma żdiedux kemm ilu dan il-Gvern.