Fix-xenarju politiku preżenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu tliet għażliet x’jagħmel wara l-Iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
L-ewwel għażla hi li jitlob ir-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri. Għażla oħra tista’ tkun li jkeċċihom hu stess la ma jagħżlux li jwarrbu huma u t-tielet għażla hi li ladarba ma jirriżenjawx, bħala Prim Ministru jkollu jsejjaħ elezzjoni bikrija.
Dan kien il-ġist tal-Editorjal tal-ġurnal The Times of Malta, li tratta l-Iskandlu Panamagate, meqjus bħala l-akbar wieħed fl-istorja politika ta’ pajjiżna. L-Editorjal jgħid li aktar ma jgħaddi żmien, dan l-Iskandlu dejjem qed ikompli jikkomplika ruħu, bl-indikazzjonijiet huma li s-sitwazzjoni se tkompli tmur mill-ħażin għall-agħar.
Jingħad ukoll li bil-mod kif qed iġib ruħu quddiem dan l-Iskandlu, billi jkompli jiddefendihom, il-Prim Ministru qed juri kif m’hemm l-ebda ħjiel li jwarrab lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Fl-istess waqt, l-awtoritajiet tal-pajjiż bħal qishom m’għandhomx ħeġġa biex jinvestigaw il-każ.
L-Editorjal jgħid ukoll li sadanittant, u aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-ħsara lill-Partit Laburista qed tkompli ssir u tidħol fil-fond, bil-ħsara ssir anke lill-Gvern u effetivament lill-pajjiż bil-Prim Ministru ma jirrealizzax b’din il-ħsara kollha.
//= $special ?>

