Internazzjonali

Akkużat dwar sejba ta’ armi ‘f’kumplott ieħor kontra Pariġi’

Raġel Franċiż li kien arrestat f’Pariġi, il-ġimgħa l-oħra, kellu ammont ta’ armi ‘mingħajr preċedent’, b’uffiċjali jsostnu li l-istess raġel kien qed jaħseb biex iwettaq ‘azzjoni ta’ vjolenza estrema’ fil-kapitali Franċiża.

Il-Prosekuturi, intant, akkużaw lir-raġel – Reda Kriket, ta’ 34 sena – dwar allegat kumplott biex isir attakk. Dan meta l-pulizija li daħlu fl-appartament tas-suspettat sabu diversi azzarini u armi oħra, flimkien ma’ splussivi bħal dawk li ntużaw għall-aħħar attakki terroristiċi fil-qalba ta’ Pariġi u Brussell, il-kapitali tal-Belġju.

Kriket qed ikun konness mas-suspettat terrorista ewlieni involut fl-attakki qattiela ta’ Novembru, mill-ISIS, f’Pariġi.

Filwaqt li l-mira potenzjali tal-allegat pjan ma kenitx identifikata, il-Prosekutur ta’ Pariġi, Francois Molins, ma baqax lura biex jitkellem dwar ‘attakk imminenti’.

L-appartament ta’ Kriket jinsab f’Argenteuil, li hu sobborg ta’ Pariġi. Hemmhekk, il-pulizija anki elevaw ammont ta’ kimika, passaporti foloz, numru ta’ telefons ċellulari u kompjuters b’informazzjoni dwar il-produzzjoni tal-bombi u dwar il-gruppi li qed imexxu jihad ( gwerra qaddisa għall-kawża tal-Islam).

Kienet anki sinifikanti s-sejba ta’ splussiv tat-tip TATP li kien intuża għall-bombi suwiċida min-naħa ta’ terroristi b’rabtiet mal-ISIS li fl-aħħar xhur u ġranet ħallew mewt u kaos fl-inħawi rispettivi ta’ Pariġi u Brussell.

Għaldaqstant, Molins qal, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li ‘kollox jindika li s-sejba tal-ħażna ( ta’ armamenti u materjal ieħor) evitat azzjoni vjolenti ewlenija min-naħa ta’ network terroristiku’.