Lokali

Il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jibqgħu fost l-ogħla fl-UE minkejja traħħis

Il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu jinsterqu għall-prezzijiet tal-petrol u d-diesel – il-PN

Minkejja r-reviżjoni miżera fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin se jibqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol fl-Ewropa, f’serq ċar mill-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tax-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qal dan fi stqarrija wara li l-Gvern ħabbar reviżjoni fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Il-prezzijiet tad-diesel li issa huwa ta’ €1.22ċ u tal-petrol li issa huwa €1.28ċ, huma xorta fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li Joseph Muscat ilu numru ta’ xhur jinsisti li Malta tkun bħal Lussemburgu. Madanakollu, minbarra li għandhom il-pagi erba’ darbiet aktar minn tagħha, l-prezz tal-petrol u d-diesel fil-Lussemburgu huwa ferm orħos minn Malta, tant li ma jaqbiżx l-€1.00.

L-aħħar darba li l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli tal-lum, il-prezz tad-diesel f’Malta kien 61c, li jfissier li filwaqt li fl-aħħar ġimgħat, il-familji Maltin u Għawdxin kienu qed jinsterqu nofs il-flus li jagħtu meta jagħtu d-diesel, issa – minkejja r-reviżjoni miżera – se jibqgħu jinsterqu aktar minn 50c fuq kull litru.

Minkejja li l-Maltin u l-Għawdxin se jibqgħu iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa, il-Gvern fi stqarrija ftaħar li qed jerġa’ jraħħas il-prezzijiet u li se jżommom hekk sal-aħħar ta’ Ġunju.

Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Ġunju, il-pubbliku se jibqa’ jħallas fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.
Intant, il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-poplu Malti u Għawdxi diġà tilef €14-il miljun mid-deal li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi nnegozjaw bil-moħbi mal-Gvern dittatur tal-Ażerbajġan, fl-istess żmien li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu kumpaniji sigrieta fil-Panama.

Intant, il-kumpanija Enemed ħabbret li l-prezz tal-‘e-power’ niżel għal €1.43ċ minn €1.47ċ filwaqt li l-prezz tal-Kerosene issa huwa ta’ €1.16ċ minn €1.22ċ. Ma kienx hemm tibdil fil-prezz tal-Gasoil.