Internazzjonali

Imutu u jindarbu fi kroll ta’ ‘flyover’ fil-belt Indjana ta’ Kolkata

Mietu talanqas 18 il-persuna meta flyover li kien għadu fil-fażi tal-kostruzzjoni ċeda għal fuq triq traffikuża, fil-belt ta’ Kolkata, fl-Indja.

L-inċident seħħ f’zona qrib il-Park ta’ Girish li hu wieħed mill-aktar neighbourhoods iffullati bin-nies ta’ Kolkota, u fejn wieħed isib id-djar u r-residenzi qrib ħafna ta’ xulxin ġo numru ta’ sqaq. Il-kroll tal-flyover ħalla wkoll għexieren ta’ midruba, uħud kritiċi, waqt li fl-aħħar sigħat, in-nies fiz-zona kellhom jużaw idejhom f’tentattiv iddisprat biex jittellgħu n-nies ħajjin minn taħt il-munzelli ta’ konkrit u metall fl-inħawi.

L-inċident nissel xokk u dieqa kbira f’Kolkata u madwar l-Indja, fost rapporti li talanqas 150 persuna spiċċaw maqbuda taħt il-fdalijiet tal-pont.

Il-biċċiet tal-konkrit u l-azzar li ċedew mill-flyover laqtu lin-nies għaddejjin fl-inħawi minbarra li niżlu wkoll fuq il-bini u fuq karozzi u trakkijiet li nzertaw f’dik iz-zona. Jingħad ukoll li numru ta’ nies kienu qed jgħixu ġo residenzi fqar u fraġli li ttellgħu proprju taħt il-flyover inkwistjoni.

L-iskwadri għall-emerġenzi li ntbagħtu fuq ix-xena kellhom appoġġ minn klieb imħarrġa. Twasslu hemmhekk ukoll makkinarju tqil li jaqta’ l-konkrit u li kapaċi jħaffer qalb it-terrapien, flimkien ma’ apparat ( sensors) li jaqbad sinjali ta’ ħajja taħt ir-radam.

Il-ħidma tas-salvataġġ qed tkun imqabbla ma’ ġlieda kontra l-ħin u l-awtoritajiet jistennew li l-mejtin fl-inċident se jiżdiedu; l-aktar wara li sar magħruf li ntradmu numru ta’ karozzi tal-linja. L-aħħar rapporti mix-xena tat-traġedja qalu li kienu qed jaslu dejjem aktar qraba ta’ persuni rrappurtati nieqsa u li dawn kienu qed ikunu kkontrollati mill-pulizija. Dan waqt li l-ħaddiema għall-emerġenza baqgħu jġorru ‘aktar vittmi’ ‘il hinn mill-inħawi.

Mifhum li l-flyover, b’tul ta’ żewġ kilometri, kien ilu jinbena mill-2009 u li n-nies responsabbli mill-proġett, fl-aħħar xhur, fallew milli jilħqu d-deadlines stabbiliti għat-tmiem tal-kostruzzjoni.

Mhix l-ewwel darba li proġetti tal-bini fl-Indja kienu suġġetti għal kritika dwar nuqqas ta’ sigurtà, minbarra nuqqas ta’ spezzjonijiet adekwati u fejn mhux dejjem jintuża materjal xieraq għal dawn it-tipi ta’ proġetti.