Il-Libja ghaddejja minn tensjoni kbira wara li l-mexxejja tal-Kunsill Presidenzjali appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti waslu fi Tripli, wara vjagg bil-bahar mit-Tuniżija, fost tentattiv biex huma jieħdu l-kontroll bħala Gvern ġdid għall-għaqda nazzjonali.
L-inċertezza ddominat fil-kapitali Libjana ladarba li l-Prim Ministru Fayez Serraj u wħud mid-deputati tiegħu wasu ġo bażi navali lokali. Skont Serraj, wasal iż-żmien biex il-Libja taqleb il-paġna u tfittex ir-rikonċiljazzjoni, meta hu beħsiebu jibni istituzzjonijiet tal-Istat u jimplimenta waqfien mill-ġlied.
Iżda filwaqt li Martin Kobler, li hu r-Rappreżentant tan-NU għal-Libja, ħeġġeġ biex il-kontroll jgħaddi bil-kwiet lill-Gvern ta’ Serraj, diversi elementi fil-koalizzjoni Iżlamista ta’ Tripli qed jaħsbuha differenti. Dan waqt li Khalifa Ghweil, li jmexxi l-awtoritajiet fi Tripli, għamilha ċara li hu m’għandux pjaċir bil-preżenza tal-politiċi tal-Gvern għall-għaqda, fejn ħeġġeġ biex Serraj u l-kollegi tiegħu ‘jitilqu lura minn fejn ġew’.
L-ispazju tal-ajru ta’ Tripli, fl-aħħar jiem, kien ingħalaq biex ma jsirux titjiriet lejn il-Libja mill-membri tal-Kunsill Presidenzjali għall-għaqda bbażat fit-Tunisija.
Fil-lejl tal-Erbgħa, il-ġurnalisti ma stazzjon televiżiv li jappoġġja lill-awtoritajiet fi Tripli qalu li x-xandir waqaf meta grupp ta’ nies armati assedjaw l-uffiċini ta’ dan l-istazzjon. Għadu mhux ċar ma’ liema grupp kienu affiljati dawk l-elementi armati.
Mal-wasla tal-politiċi ta’ Serraj fil-bażi ta’ Tripli, il-milizzji tal-Gvern Iżlamista dehru mal-ewwel jikkonsolidaw posthom f’diversi bnadi tal-kapitali. Matul il-lejl, instemgħu l-isparaturi ta’ gruppi armati rivali fil-kapitali u waqt li d-dettalji għadhom konfużi mhemmx dubju li t-tensjoni qed tinħass sew fl-inħawi.
Il-Libja ilha mgħarrqa f’kaos mill-2011 wara li spiċċa r-reġim tal-eks dittatur Muammar Gaddafi. Il-pajjiż ilu mill-2014 bi Gvernijiet rivali – dak fi Tripli u ieħor li kellu jitrasferixxi s-sede mill-kapitali għal Tobruk.
Filwaqt li ħafna mill-milizzji u brigati armati fil-Punent tal-Libja indikaw appoġġ għall-Kunsill Presidenzjali ta’ Serraj, dawn, fil-verità, huma l-istess entitajiet li mexxew u faċilitaw l-eżistenza ta’ awtoritajiet rivali fi Tripli, li ilhom effettivi mill-2014. Il-gruppi tal-milizzji magħrufa li jibdlu l-lealtà skont il-konvenjenza u kwalunkwe Gvern ġdid se jkollu jrażżanhom jekk irid iwassal tassew għal progress fil-Libja.
F’Diċembru li għadda, xi deputati rivali ddeċidew li jappoġġjaw ftehim imfassal min-NU għat-twaqqif ta’ Gvern għall-għaqda fil-Libja, iżda dan il-ftehim mhux appoġġjat mill-gruppi tal-milizzji kollha li ffurmaw wara r-rewwixta kontra l-eksreġim ta’ Gaddafi. Fl-istess ħin, il-Kunsill Presidenzjali għall-għaqda bejn il-Libjani ilu jiffaċċja l-isfidi u l-intoppi u jittama li, xi darba, jirnexxilu jikkonsolida preżenza determinanti fi Tripli.
//= $special ?>