Lokali

Inċertezza u tensjni fil-Libja wara l-wasla fi Tripli tal-mexxejja għall-Għaqda Nazzjonali

L-inċertezza qed tiddomina fil-kapitali Libjana Tripli, sigħat wara li l-Prim Ministru Fayez Sarraj, li qed jipprova jġib l-għaqda nazzjonali fil-Libja, u wħud mid-deputati tiegħu wasu ġo bażi navali tal-belt wara li vvjaġġaw bil-baħar mit-Tuniżija.

Sarraj qal li wasal iż-żmien biex il-Libja taqleb il-paġna u tfittex ir-rikonċiljazzjoni, waqt li, fl-istess ħin, sostna li beħsiebu jibni istituzzjonijiet tal-Istat u jimplimenta waqfien mill-ġlied.

Iżda filwaqt li Martin Kobler, li hu r-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, ħeġġeġ biex il-kontroll jgħaddi bil-kwiet lill-Gvern ta’ Sarraj, diversi elementi konservattivi fi-koalizzjoni li tamministra fi Tripli qed jaħsbuha differenti. Dan waqt li Khalifa Ghweil, li  jmexxi l-awtoritajiet fi Tripli, għamilha ċara li hu m’għandux pjaċir bil-preżenza tal-politiċi tal-Gvern għall-għaqda, filwaqt li ħeġġeġ biex Sarraj u l-kollegi tiegħu jitilqu minn fejn ġew.

L-ispazju tal-ajru ta’ Tripli, fl-aħħar jiem, ingħalaq minn żmien għal żmien, bl-iskop li ma jsirux titjiriet lejn il-Libja mill-membri tal-Kunsill tal-Presidenza għall-għaqda Libjana, li kien ibbażat fit-Tunisija.

Fil-lejl tal-Erbgħa, il-ġurnalisti ma stazzjon televiżiv li jappoġġja lill-awtoritajiet fi Tripli qalu li x-xandir waqaf wara li grupp ta’ nies armati assedjaw l-uffiċini ta’ dan l-istazzjon. Għadu mhux ċar ma’ liema grupp kienu affiljati dawk l-elementi armati.

Il-Libja ilha mgħarrqa fil-kaos mill-2011 wara li spiċċa r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi. Il-pajjiż ilu mill-2014 b’żewġ Gvernijiet rivali, bil-Gvern ibbażat fi Tripli jkollu l-appoġġ ta’ milizjani Iżlamiċi filwaqt li l-Gvern l-ieħor għandu s-sede tiegħu f’Tobruk.