Internazzjonali

L-ITALJA: Infermiera taħt arrest fuq suspett li qatlet 13-il pazjent

Infermiera fl-Italja qed tinżamm taħt arrest fuq suspett li hi l-qattiela ta’ 13-il pazjent li kienu taħt il-kura tagħha.

Il-mara kienet taħdem fit-taqsima għall-anestesija u kura intensiva fl-isptar ta’ Piombino, fir-reġjun ta’ Toscana u l-istampa qed tirreferi għaliha bħala ‘l-qattiela tas-swali’. Il-vittmi f’dan il-każ, fil-parti kbira, kienu anzjani mifnija minn diversi forom ta’ mard.

Qed jingħad li l-pazjenti tal-infermiera kienu nqatlu fl-2014 u fl-2015 permezz ta’ mediċina li wieħed jamministraha bi drip inkella b’injezzjoni. Il-pulizija kienu ilhom ix-xhur isegwu l-passi tal-mara suspettata li għandha 55 sena u ma ssemmietx b’isimha.

L-infermiera, li ilha mis-snin tmenin residenti f’Toscana, spiċċat arrestata matul il-lejl tal-Erbgħa mill-pulizija mat-Taqsima NAS li tispeċjalizza f’reati konnessi mal-mediċina u l-ħarsien tas-saħħa.

L-iżviluppi jsegwu l-każ ta’ infermiera oħra, Daniele Poggiali, li dan ix-xahar intbagħtet il-ħabs għal għomorha wara li nstabet ħatja li amministrat taħlita ta’ mediċina fatali lil pazjent anzjan fi sptar ta’ Ravenna. Poggiali hi anki suspettata dwar il-qtil ta’ pazjenti oħra.