Lokali

Sentenza sospiża u €1,000 multa għal 11-il Skoċċiż li ħolqu kaos abbord titjira minn Edinburgh

 

11-il Skoċċiż weħlu multa ta’ €1,000 kull wieħed u ngħataw sentenza ta’ ħames xhur ħabs sospiżi għal tliet snin wara li kkawżaw kaos abbord titjira tar-Ryan Air minn Edinburgh lejn pajjiżna għall-party Lost & Found.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Josh Robert Douglas, Cristopher Norman Kennedy, David Michael Conglaton, Peter Cusack, David Hannah Brooks, Craig Jardine, Scott McGinlay, Craig Niddrie, Liam Mcrae u Stuart James Smith ammettew l-akkużi u qalgħu ħasla talli kienu fissakra, iddisturbaw il-paċi pubblika u fixklu x-xogħol tal-crew tal-ajruplan.

Minn naħa l-oħra Francis Biggins kellu jaffaċċja wkoll akkuża ta’ harassement fil-kontront ta’ waħda mill-Flight Attendants. Madankollu din l-akkuża waqgħet.

Filwaqt li ndirizzat lill-Iskoċċiżi, il-Maġistrat Frendo Dimech għamlitha ċara li Malta ma tittollerax aġir bħal tagħhom waqt li staqsiethom kif qatt setgħu jagħmlu att bħal dan meta jafu li bħalissa madwar teżisti sigurta’ kbira fid-dawl tal-attakki terroristiċi li qed iseħħu.

Staqsiethom ukoll jirrealizzawx kemm l-att li wettqu seta’ kien perikoluż, anke għas-sigurta’ tal-ajruplan u l-passiġġieri abbord.

Dan il-każ wassal biex għexieren ta’ persuni li waslu f’Malta minn Edinburgh għall-ħabta ta’ 12:20 tal-Ħamis waranofsinhar kellhom idumu madwar sagħtejn u nofs imwaħħlin fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Kien ftit wara nofsinhar li f’Malta waslet it-titjira tar-Ryanair FR 6695 minn Edinburgh, b’madwar 7 Skoċċiżi abbord li ġew rappurtati li kienu fis-sakra u li ħolqu kaos u storbju. Wieħed mill-Iskoċċiżi filfatt deher bilwieqfa, bil-boxer shorts f’rasu!

12910388_10207599577966017_512021836_n

Mal-wasla tal-ajruplan f’Malta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija, bil-passiġġiera l-oħra kellhom jinżammu abbord għal ħin twil.

Fil-fatt il-passiġġieri bdew jitniżżlu malli l-Pulizija telgħu abbord u arrestaw liż-żgħażagħ li nżammu fuq l-ajruplan sakemm niżlu l-kumplament. Saret ukoll tfittxija fil-bagalji tagħhom.

Fuq il-mitjar, filfatt, kienet evidenti l-preżenza qawwija tal-Pulizija, inkluż uffiċjali mis-Sezzjoni tal-Klieb li kienu qed iduru mal-bagalji minħabba suspett li ż-żgħażagħ ma kinux fis-sakra imma taħt l-effett tad-droga.

Iżda sakemm il-passiġġieri kollha kienu għadhom abbord, inżammet magħluqa waħda mill-entraturi tal-ajruplan, anke għaliex il-Pulizija abbord bdew janalizzaw il-passiġġieri ringiela wara l-oħra, biex jassiguraw li m’hemmx iżjed persuni fis-sakra.

Dan ħoloq dewmien fil-proċess biex il-kumplament tal-passiġġieri jinżlu mill-ajruplan ħa fit-tul.

Passiġġieri oħra li kienu fi tmiem il-vaganza tagħhom f’Malta u sejrin lura lejn l-Iskozja abbord l-istess ajruplan, spiċċaw qattgħu madwar tliet sigħat fl-Ajruport Internazzjonali  ta’ Malta. Jistennew sakemm il-linja tal-ajru bagħtet crew ieħor.