Lokali

Surġent tal-Pulizija jintlaqat minn sparatura fil-Mosta

Surġent tal-Pulizija kellu jiġi operat wara li ntlaqat minn tir sparat minn raġel li ssakkar ġo kamra u beda jirrifjuta li joħroġ, f’inċident li fih beda jhedded li se jqabbad xi nar fid-dar li kien fiha.

Kien l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-10.30 ta’ billejl, meta l-Pulizija ssejjħet fi Triq il-Ħaġar fil-Mosta minħabba li kien hemm raġel aggressiv.

Ir-raġel, li għandu 45 sena u li joqgħod il-Belt, beda jirrifjuta li joħroġ mid-dar fi Triq il-Ħaġar tant li l-Pulizija kellhom jisgassaw il-bieb ta’ barra biex jidħlu għar-raġel, li skont informazzjoni mogħtija mill-Pulizija kien armat b’xi armi tan-nar u x’aktarx, taħt l-effett tad-droga.

Malli l-Pulizija rnexxielhom jidħlu fid-dar, mill-ewwel indunaw li r-raġel kien filfatt imsakkar ġo kamra, bil-bieb imbarrat. Kien f’dan il-mument li r-raġel beda jhedded li kien fetaħ il-gass u li kien qed jipprova jqabbad xi nar. Il-Pulizija għal xi ħin kellhom joħorġu minn ġod-dar u reġgħu daħlu meta ma kienx hemm periklu.

Iżda malli reġgħu daħlu u sgassaw il-bieb tal-kamra fejn kien hemm ir-raġel, ir-raġel ipponta arma tan-nar lejn il-Pulizija u spara tir. F’dan il-mument, il-Pulizija kellha tuża ‘taser gun’ sabiex ir-raġel jiġi kkontrollat, iżda hekk kif Surġent tal-Pulizija avviċinah u beda jissara miegħu biex joħodlu l-arma tan-nar minn idejh, ir-raġel spara tir ieħor. Dan it-tir laqat lir-raġel innifsu u spiċċa f’saqajn is-Surġent.

Fuq il-post issejjħet ambulanza li ħadet kemm lis-Surġent kif ukoll lir-raġel l-isptar Mater Dei għall-kura. Filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, iżda mhux fil-periklu tal-mewt, is-Surġent ġarrab ġrieħi ħfief iżda kellu jkun operat xorta waħda.

Dwar il-każ qed issir inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

triq il-hagar1

Ritratti: Triq il-Ħaġar, fejn seħħ l-inċident