Lokali

Tal-Protezzjoni Civili ordnati jniżżlu bandiera ta’ Każin Laburista

“Ordni mill-Ministru” biex it-turntable ladder tas-CPD jintbagħat mix-Xemxija biex iniżżel il-bandiera tal-Partit Laburista minn fuq il-bejt tal-Każin ta’ Raħal Ġdid

Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati fix-Xemxija nhar il-Ħadd li għadda filgħaxija baqgħu skandalizzati meta waslitilhom ordni biex minnufih jaqbdu dak li hu magħruf bħala t-turntable ladder u jmorru bih f’Raħal Ġdid biex iniżżlu l-bandiera minn fuq il-bejt tal-Każin tal-Partit Laburista tal-lokal.

Sorsi li tkellmu ma’ ‘In-Nazzjon’ fissru li bħal din il-vettura armata b’dan l-apparat li hija stazzjonata fix-Xemxija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu tnejn biss. L-ieħor jinsab stazzjonat fil-Fire Station ta’ Kordin imma ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat ma jistax jintuża minħabba li għandu xi ħsarat. Jidher li d-Dipartiment qed jistenna xi parts minn barra għal dan it-turntable ladder ta’ Kordin u se jiġu wkoll speċifikament f’Malta esperti tekniċi biex isewwuh.

Dawn iż-żewġ trakkijiet jintużaw biss f’każi ta’ salvataġġ minn bini għoli u fil-fatt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tenfasizza li fl-użu tiegħu jitħaddmu regolamenti stretti ħafna ta’ salvataġġ.

Fid-dawl ta’ dan kollu, dak li ġara nhar il-Ħadd filgħaxija kien tassew xokkanti għall-impjegati tas-CPD stazzjonati fix-Xemxija li ma setgħux jifhmu kif setgħu jingħataw ordni bħal din biex dan l-apparat sofistikat jintbagħat f’lokal biex titniżżel bandiera minn fuq bejt ta’ każin politiku.

Is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal żvelaw li kien għall-ħabta tas-7.30pm meta xi ħadd mill-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid ċempel fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili tax-Xemxija u talab biex jintbagħtilhom speċifikament dan it-trakk partikolari biex titniżżel il-bandiera minn fuq il-bejt tal-każin.

Jidher li meta l-ħaddiema li kienu xogħol spjegaw li xi ħaġa bħal din ma kinitx possibbli, min ċempel mill-Każin Laburista staqsa għall-Manager Frankie Axiaq, li dak il-ħin inzerta ma kienx xogħol.

Ġara li ftit tal-minuti wara, Axiaq ċempel direttament hu lil dawk li kienu xogħol u ordnalhom biex imorru fil-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid biex titniżżel il-bandiera minn fuq il-bejt u biex jagħmlu dan, imorru bit-turntable ladder minħabba li kienu se jiġu bżonn l-użu tal-sellum.

Jidher li dak il-ħin il-persuni li kienu xogħol ippruvaw ifissrulu li din l-ordni kienet tmur kontra r-regolamenti stabbiliti dwar l-użu ta’ dan l-apparat. Madankollu, allegatament il-Manager Frankie Axiaq insista li din kienet ordni tal-Ministru.

Nifhmu li din it-telefonata kienet segwita minn telefonata oħra – din id-darba mill-Manager Manuel Psaila – li qalilhom li kien qed iċempel biex jassigura li kienu telqu mix-Xemxija bit-turntable ladder fi triqithom lejn il-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid biex iniżżlu l-bandiera minn fuq il-bejt.

Jidher li fil-logbook, biex sar dan ix-xogħol tniżżlet biss il-kliem “assistenza f’Raħal Ġdid” mingħajr l-ebda dettalji tal-post preċiż fejn kien se jsir ix-xogħol, u mingħajr dettalji ta’ x’kienet tirrikjedi din il-ħidma, kif isir is-soltu.

Aħna infurmati li l-bandiera tniżżlet fi ftit tal-ħin u wara xi nofs siegħa fil-Każin Laburista, l-ekwipaġġ li ntbagħat Raħal Ġdid għal din il-biċċa xogħol, irritorna lejn ix-Xemxija.