Internazzjonali

Ultranazzjonalista Serb mhux ħati dwar reati tal-gwerra

L-ultranazzjonalista Serb, Vojislav Seselj, ma nstabx ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu rigward reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità li seħħew fl-isfond tal-gwerer tas-snin disgħin fil-Balkani.

It-Tribunal ta’ The Hague (fl-Olanda) li jipproċessa reati tal-gwerra qal li Seselj, li kien Viċi-Prim Ministru tas-Serbja mill-1998 sal-2000, ma kellu l-ebda responsabbiltà personali għar-reati. Intant, Seselj, li kien alleat tal-eks-President tas-Serbja, Slobodan Milosevic, sa mill-bidu nett ċaħad l-akkużi u fl-ewwel reazzjoni wara l-verdett, sostna li l-Qorti ta’ The Hague kienet waslet ‘għall-uniku deċiżjoni possibbli’.

Vojislav Seselj kien tħalla jirritorna f’Belgrad, fl-2014, wara li nstab li hu kien qed ibati bil-kanċer. L-ultranazzjonalista ma kienx preżenti fil-Qorti meta nqara l-verdett u anki rrifuta l-offerta tat-tribunal biex isegwi l-aħħar żviluppi fil-każ permezz ta’ videolink.

Fl-aħħar jiem, Seselj ħa sehem f’diversi rallies kontra l-Gvern tas-Serbja, meta dan ix-xahar għandhom isiru l-elezzjonijiet parlamentari f’pajjiżu.