Lokali

Aġir li jimmina d-demokrazija

Il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista (KKPN) jesprimi solidarjeta’ mas-Shadow Minister Jason Azzopardi wara li tħabbar li nhar l-Erbgħa 6 ta’ April fis-13:00, il-Gvern Laburista beħsiebu jressaq lid-Deputat Jason Azzopardi l-Qorti b’akkuża kriminali ta’ malafama fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

Il-KKPN sostna li Jason Azzopardi kien qed iwettaq d-dmir tiegħu bħala Shadow Minister tal-Oppożizzjoni meta għamel konferenza tal-aħbarijiet li fiha kkundanna lill-Gvern talli żamm lil Peter Paul Zammit minkejja li dan kien instab ħati mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li kien kiser il-liġi tal-Protezzjoni tad-Data meta għadda informazzjoni personali sensittiva lill-gazzetta Maltatoday.

Ilbieraħ tħabbar li fuq talba ta’ Peter Paul Zammit, il-Gvern se jmexxi każ kriminali ta’ malafama kontra Jason Azzopardi. L-akkuża ġġib magħha pieni sa tliet xhur ħabs.

Il-KKPN iqis dan l-aġir bħala wieħed li jimmina d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni. Il-KKPN isostni li dan l-aġir mhux se jaqta’ qalb jew isikket lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista milli jkomplu jwettqu l-ħidma politika tagħhom b’onestà.

Il-KKPN se jkun preżenti fl-attivita’ tal-Ħadd li ġej bħala sostenn morali ma’ Jason Azzopardi f’Ħal Tarxien u jħeġġeġ lill-pubbliku jattendi biex naċċertaw li f’pajjiżna nsaħħu u mhux indgħajfu d-demokrazija. Il-KKPN isostni li l-kandidati jappellaw ukoll biex f’pajjiżna nħeġġu l-liberta’ tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni fil-politika.