Il-Partit Popolari Ewropew ikkundanna b’mod mill-aktar qawwi d-deciżjoni li jitressaq il-Qorti s-Shadow Minister tal-Ġustizzja Jason Azzopardi għall-kummenti politiċi li qal fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Iċ-Chairman tal-Grupp Manfred Weber qal li bħala membru gvern ta’ stat tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Laburista għandu limitu safejn jista’ jasal fil-kilba għall-poter u dan meta qed jinjora d-drittijiet tal-bniedem. Hu qal li mhux aċċettabli f’soċjeta demokratika li Shadow Minister jittieħed quddiem il-qorti għal xi ħaġa li qal fil-kapaċita tiegħu bħala shadow minister.
Manfred Weber qal li l-partit Popolari Ewropew se jkun hemm għall-poplu Malti fil-konfront tal-iżbalji li qed iwettaq dan il-Gvern. Hu saqsa minn meta ‘l hawn Shadow Minister Ewropew tressaq quddiem il-qorti għal xi ħaġa li qal bir-riskju li jeħel tliet xhur priġunerija. Weber sostna li din hi azzjoni tal-gvern li qed jinqeda b’Peter Paul Zammit.
Weber qal li hekk kif dejjem riesaq iż-żmien li Malta jkollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Partit Popolari Ewropew ħa nota ta’ dak li qed jiġri anke fid-dawl ta’ kif aġixxa il-Prim Ministru fil-konfront tad-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri b’rabta mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Manfred Weber temm jgħid li hu mħasseb bis-sitwazzjoni u mhux se jaċċettaha.
//= $special ?>