Lokali

Il-familji u n-negozji Maltin se jibqgħu jinsterqu għall-petrol u d-diesel

Il-korruzzjoni qed taffettwa b’mod dirett il-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin

Minkejja l-propoganda qarrieqa ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-familji u n-negozji Maltin mhux talli ilhom minn tal-anqas 15-il xahar jinsterqu, iżda issa ngħataw garanzija li se jibqgħu jinsterqu kull darba li jmorru jagħtu l-fuel għal mill-inqas tliet xhur oħra.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegat kif għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, qed iħallsu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Ix-Shadow Minister sostniet li filwaqt li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jirriflettu t-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt, f’Malta u Għawdex, dan baqa’ għoli minkejja r-reviżjoni li tħabbret ilbieraħ.

Marthese Portelli fakkret li fl-aħħar diskors tal-budget, il-Prim Ministru qal li jrid li l-poplu Malti u Għawdxi jkun bħal dak tal-Lussemburgu. Hi sostniet li llum-il ġurnata, l-poplu tal-Lussemburgu jħallas 88ċ għal kull litru diesel u €1.02 għal kull litru diesel, li jfisser 26ċ anqas għall-petrol u 27ċ anqas għad-diesel. Dan minbarra l-fatt li l-pagi fil-Lussemburgu huma tliet darbiet aktar minn dawk f’Malta, sostniet Marthese Portelli.

Hi spjegat li filwaqt li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kienu qed jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama, l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin kienu, u għadhom, iħallsu l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel. Hi fakkret li wieħed mid-deals li saru minn dawn iż-żewġ persuni, flimkien mal-Prim Ministru, u li wassal għat-telf ta’ €14-il miljun għall-poplu Malti u Għawdxi, kien dak mal-kumpanija tal-Ażerbajġan. Dan id-deal sar fl-istess żmien li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama, qalet Marthese Portelli.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Liam Sciberras sostna li l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta, minkejja r-reviżjoni tal-bieraħ, għadu ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Hu qal li filwaqt li l-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea hu ta’ €1.25, f’Malta, l-prezz hu 3ċ aktar, u waqt li l-prezz medju tad-diesel fl-Unjoni Ewropea hu ta’ €1.09, il-prezz f’Malta hu 7ċ aktar. Dan ifisser li l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta hu 6% ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, qal Liam Sciberras. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-prezz tal-petrol u d-diesel mhux biss jorħos, iżda jorħos b’mod sostanzjali biex jirrifletti r-roħs ta’ 60% fil-prezz internazzjonali taż-żejt, kif ukoll il-fatt li l-pagi f’Malta mhux talli ma żdiedux, iżda talli naqsu.