Il-Korea ta’ Fuq sparat missila għal fuq distanzi qosra, fl-aħħar minn sensiela ta’ provi tipiċi u qalet li se tibqa’ ‘tiżviluppa l-armi nukleari’. It-theddida ngħatat sigħat wara li l-Istati Uniti u l-Mexxejja tal-Korea t’Isfel u l-Ġappun impenjaw ruħhom biex jikkooperaw aktar mill-qrib biex ir-reġim komunista fi Pyongyang ma javvanzax il-programmi missilistiċi u nukleari tiegħu.
Ir-rapporti qalu li l-Koreani komunisti sparaw missila surface-to-air minn zona tal-Lvant, qrib il-kosta, b’din il-missila tinżel fl-ibħra tal-Korea ta’ Fuq.
Ma ngħatawx dettalji iżda l-isparatura dehret bħala l-aħħar ‘reazzjoni’ għall-eżerċizzji militari li qed imexxu l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel. Il-Korea ta’ Fuq, taħt it-tmexxija ta’ Kim Jong-un, tqis l-eżerċizzji bħala ‘provi qabel invażjoni ta’ artha.
Sadanittant, il-President Amerikan Barack Obama qal li l-Istati Uniti u ċ-Ċina se jaħdmu flimkien biex jippruvaw jevitaw aktar testijiet missilistiċi min-naħa tal-Korea ta’ Fuq. Iċ-Ċina hi l-akbar alleata ta’ Pyongyang u Barack Obama ħareġ bil-kummenti wara laqgħa ‘pożittiva’ mal-President Ċiniż Xi Jinping, li saret wara l-kwinti ta’ summit nukleari organizzat f’Washington.
Obama qal li hu u Xi Jinping ippruvaw isibu punti ta’ ftehim ħalli ‘jiskoraġġixxu provi nukleari li jżidu t-tensjoni’. Xi Jinping kien ikkwotat li l-partijiet interessati kollha jeħtieġu jirrealizzaw l-importanza ‘li s-sanzjonjiet ġodda miftiehma (fil-konfront ta’ Pyongyang) jkunu implimentati strettament u bis-sħiħ’.
//= $special ?>