Is-Surġent Justin Spiteri (PS601) insista li l-ewwel għajnuna tingħata lill-agressur li spara tir u laqtu f’saqajh f’każ li seħħ l-Erbgħa filgħaxija fi Triq il-Ħaġar fil-Mosta.
Spiteri ħareġ mill-isptar wara li ġie operat u qed ikompli jirkupra bit-tama li jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu fis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit.
L-uffiċjal intlaqat minn tir meta l-Pulizija kienu qed jippruvaw jikkontrollaw raġel li ssakkar ġo kamra u beda jirrifjuta li joħroġ, f’inċident li fih beda jhedded li se jqabbad xi nar fid-dar li kien fiha u joqtol lil mara.
Fid-dawl ta’ dan il-każ, il-Police Officers’ Union qed titlob lill-Ministru Carmelo Abela biex minnufih jiddaħħlu emendi għal-liġi li permezz tagħhom uffiċjal tal-Pulizija li tiġrilu ħsara permanenti li twassal għal diżabilità permanenti waqt li jkun qiegħed jaqdi dmirijietu u mingħajr ħtija tiegħu għandu jkun intitolat għal ħlas ta’ pensjoni bħallikieku huwa kien temm il-25 sena servizz.
Dan f’każ li l-korriment jagħmlu inkapaċi li jaqdi l-ebda rwol ieħor fil-Korp u wara li jkun ġie debitament iċċertifikat minn Bord dwar il-Korrimenti maħtur mill-Ministru responsabbli għall-Pulizija.
Il-union talbet ukoll li mingħajr ebda telf ta’ ħin itddaħħal polza tal-assikurazzjoni għall-membri kollha tal-Korp kif ukoll li l-Korp jeżamina sewwa x’setgħu kienu n-nuqqasijiet f’dan il-każ sabiex l-uffiċjali jħejju ruħom aħjar f’ċirkustanzi straordinari.


