Lokali

Jinfetħu proċeduri legali kontra s-segretarju eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, Neil Spiteri, se jaffaċċja akkużi kriminali fil-konfront tiegħu wara li għal iktar minn darba hedded u ndirizza b’dagħa u kliem ħażin lil ħaddiem tal-kunsill.

Il-każ seħħ il-Ħamis 10 ta’ Marzu meta Neil Spiteri ċempel il-Kunsill Lokali u beda jhedded li se jkisser lil dan il-ħaddiem u li se jagħmillu ħajtu nfern. Filwaqt li kien allegat li Spiteri beda jitkellem ħażin, f’dak il-ħin il-ħaddiem lanqas biss kien fil-bini tal-kunsill.

Iktar tard mal-ġurnata l-istess Segretarju Eżekuttiv mar fil-bini tal-kunsill, li jinsab fiċ-ċentru ċiviku ta’ Birkirkara, u fil-preżenza ta’ numru ta’ persuni kien allegat li affaċċja lill-ħaddiem b’mod aggressiv u b’għajjat.

Fid-dawl ta’ dan il-ħaddiem għamel rapport lill-Pulizija fejn talab biex jinfetħu proċeduri legali, kif ukoll li ssir garanzija kontrih bl-għan li l-ħaddiem jiġi protett fid-dawl tat-theddid li rċieva.