Żewġ uffiċjali ewlenin oħra rriżenjaw biex żiedu l-problemi għall-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, u l-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern.
George Hilton, li spiċċa minn Ministru għall-iSport u l-Kurunell Adilson Moreira, li kien qed jorganizza s-sigurtà għall-Olimpjadi ta’ Rio (li se jsiru matul is-sajf) iddeċidew li ma jkomplux fil-karigi rispettivi.
Fil-fatt, Moreira bagħat email lill-kollegi fejn ikkritika lil Rousseff u uffiċjali ewlenin oħrajn, fost kummenti li ‘hu jħoss sens ta’ mistħija għall-fatt li l-Brażil qed jitmexxa minn grupp bla skrupli’.
Ir-riżenji saru meta Rousseff tinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna hi u tissielet biex il-Gvern tagħha jirrealizza l-mandat sal-aħħar. Fl-istess ħin għaddej proċess ta’ impeachment fil-konfront tal-President tal-Brażil.
Il-Partit tal-Ħaddiema li Rousseff tifforma parti minnu hu implikat bil-kbir fi skandlu storiku li jinvolvi l-kumpanija taż-żejt tal-Istat, Petrobras, u meta jidher li huma involuti membri ewlenin tal-istess partit. L-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq skema ddominata minn frodi, xiri ta’ favuri u forom oħra ta’ korruzzjoni.
Filwaqt li qed jonqos sew l-appoġġ għal Rousseff madwar il-Brażil, sostenituri tal-President organizzaw dimostrazzjonijiet f’numru ta’ bliet Brażiljani biex juru li huma ma jaqblux mal-proċeduri ta’ impeachment fil-konfront tagħha.
Nhar it-Tnejn, Henrique Eduardo Alves irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu qabel il-Partit tiegħu, il-PMDB, telaq mill-koalizzjoni mmexxija mill-Partit tal-Ħaddiema. Il-PMDB kien l-akbar sieħeb fil-koalizzjoni u t-tluq tiegħu jista’ jfisser li Rousseff ma tiksibx il-voti kruċjali li għandha bżonn biex tevita l-impeachment.
//= $special ?>