Lokali

Maximilian Ciantar jinżamm arrestat – ċanfira iebsa għal kompliċi tiegħu

Maximilian Ciantar, iż-żagħżugħ ta’ 26 sena residenti l-Marsa, inżamm arrestat wara li kien akkużat li daħal f’razzett f’Ħad-Dingli bl-intenzjoni li jisraq. Hu kien akkużat ukoll li sar riċediv.

Ciantar hu magħruf għal lista ta’ każi kriminali, fosthom pussess ta’ droga, ksur ta’ regoli tas-sewqan, ksur ta’ sentenzi sospiżi, il-każ famuż tal-2011 meta tajjar żewġ tfajliet kif ukoll każ ieħor li fih ħabat f’karozza u pprova jtajjar mara fil-Ħamrun. Kienn instab ħati wkoll li ħebb ġurnalsiti li kienu qed jirrapurtaw każ tiegħu.

L-aħħar każ seħħ il-Ħadd 27 ta’ Marzu fl-4:15 ta’ filgħodu, meta Ciantar, flimkien maż-żagħżugħ ta’ 18-il sena Darryl Anthony Anderson, daħlu fir-razzett fi Triq ir-Rabat, Ħad-Dingli. Dan tal-aħħar ikkawża wkoll feriti ħfief lil mara li kienet fir-razzett.

Waqt li kienet qed tisma’ l-każ ta’ Anderson, li kien akużat ukoll b’pussess ta’ kokaina, traffikar tal-ecstacy u li pprova jiżgwida lill-Pulizija, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech daret lejh u wissietu b’ton iebes li jmissu jistħi li jħalli lil sħabu jużawh, biex illum hu qed jirriskja sentenza ta’ ħabs effettiva filwaqt li sħabu qed igawdu l-ħajja.

Fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, Anderson ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €1,000.

Iżda dan mhux qabel il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qaltlu li qed tagħmel dan biss minħabba ommu, li kienet preżenti fil-Qorti. “Imissek tistħi,” qaltlu l-Maġistrat, “minflok tgħid grazzi lil ommok li ġabitek fid-dinja, qed tgħaddiha minn dan kollu. Ara li ma terġax tiġi quddiemi, għaliex għandek l-għażla li tibqa’ tgawdi l-arja ta’ barra jew tidħol il-ħabs u tibqa’ tirrombla minn każ għall-ieħor.”

Filwaqt li stednitu jħares madwaru, f’awla vojta għajr għall-ġurnalisti u ommu, il-Maġistrat staqsietu fejn huma sħabu li qed jużawh, imma llum ma kinux preżenti biex jappoġġjawh.