Lokali

Melliħin se jitilfu mal-€10,000 f’kumpens minħabba deċiżjoni tas-Sindku Laburista

Is-Sindku tal-Melliħa John Butigieg irrifjuta mal-€10,000 li setgħu igawdu minnhom ir-residenti tal-Mellieħa. Dan hekk kif il-Mepa approvat 30 taqsima ġdida għall-Mellieħa Holiday Centre u bħala kumpens għat-telf ta’ art il-Mepa qalet li minflok ma jingħataw €15,000 f’kumpens lill-komunita’ tal-Mellieħa, dak il-kumpens jiżdied għal €25,000.

Il-Mepa żiedet is-somma ta’ kumpens għaliex ħasset li €15,000 kienu ftit.

Iżda minn informazzjoni li waslet għand Net News, jirriżulta, minn dak li ħareġ waqt laqgħa tal-bord tal-Mepa, għas-Sindku tal-Mellieħa, John Butigieg, m’hemmx għalfejn ta’ kumpens ta’ aktar minn €15,000. Jiġifieri s-Sindku rrifjuta €10,000 għall-komunita’ Melliħija.

Il-MEPA l-ġimgħa li għaddiet approvat l-estensjoni tal-Mellieħa Holiday Centre bi 30 taqsima ġdida. L-estensjoni approvata tfisser li kull taqsima se tkopri bejn 90 u 110 metru kwadru, bit-taqsimiet il-kbar jinkludu wkoll bitħa u pixxina. B’kollox b’din l-estensjoni se jkun hemm total ta’ 25 struttura li se jinbnew

It-taqsimiet se jinbnew ’il barra mil-limiti ta’ żvilupp għall-Mellieħa u jinsabu qrib ħafna r-riserva naturali tal-Għadira, li hi żona speċjali ta’ konservazzjoni, u s-santwarju tal-għasafar. Il-MEPA spjegat li għalkemm l-inħawi li se jiġu żviluppati huma ODZ, ħadet in kunsiderazzjoni l-karattru turistiku potenzjali tal-iżvilupp eżistenti u dak propost.

Il-MEPA mponiet ukoll il-ħlas ta’ garanzija bankarja ta’ €100,000 biex tassigura li l-iżvilupp isir skont il-permessi mogħtija.

Fl-aħħar tal-laqgħa tal-Bord tal-Mepa, ġie deċiż li la darba s-Sindku tal-Mellieħa hu kuntent bi €15,000 minflok b’ €25,000, li għandhom imorru għall-komunita’ tal-Mellieħa, it-talba se terġa’ tiġi riveduta biex is-somma bħala kumpens għall-iżvilupp tinżel b’€10,000, kif irid is-Sindku tal-Mellieħa.