Internazzjonali

Miet l-eks Ministru Genscher li kien strumentali għall-Ġermanja magħquda

L-eks Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Hans-Dietrich Genscher, miet fil-belt ta’ Wachtberg-Pech, viċin ta’ Bonn, fl-età ta’ 89 sena. L-aħbar ingħatat mill-Uffiċċju ta’ Genscher, li kkonferma li l-mewt tal-eks-Ministru kienet dovuta għal problemi tal-qalb.

Hans-Dietrich Genscher serva bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Viċi-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent mill-1974 sa dakinar tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja (li inkorporat l-eks-Stat komunista tal-Lvant) fl-1990.

Intant, Genscher, li kien anki Chairman tal-Partit FDP liberali mill-1974 sal-1985, kellu jkompli fl-istess rwol ministerjali għal sentejn wara r-riunifikazzjoni storika.

Genscher kien favur ħafna ta’ Ewropa magħquda u fi żmien il-Gwerra l-Bierda, il-politika tiegħu għall-avviċinament lis-satelliti tal-Lvant komunisti u l-fatt li hu għaraf mal-ewwel ix-xewqa ‘għall-bidla’ min-naħa tal-eks President Sovjetiku Mikhail Gorbachev servew bħala fatturi importanti li, fost oħrajn, wasslu għall-Ġermanja magħquda tallum.