“M’aħna se ninsew qatt it-tbissima li dejjem kellek fuq wiċċek.”
Sentiment komuni fost ix-xokk għall-aħbar li tfajla ta’ 31 sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, is-Siġġiewi għall-ħabta tal-22:15.
Fuq fomm il-ħbieb ta’ Lourdann, jew Lou kif kienet magħrufa aħjar, kulħadd kelma waħda. Deskritta minn ħafna bħala “tfajla li tilqgħek bid-daħqa li kienet tiddistingwiha.”
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li t-tfajla residenti s-Siġġiewi stess tilfet il-kontroll tal-vettura li kienet qegħda ssuq tat-tip Toyota Vitz laqtet bankina u kellha impatt ma’ arblu tad-dawl. Mad-daqqa l-vettura baqgħet dieħla ġo vettura oħra li kien hemm ipparkjata fl-istess triq.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorgu lill-vittma mill-vettura u tittieħed l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Sfortunatament aktar tard il-mara tilfet ħajjitha.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M. Vella LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>


