Internazzjonali

Sanzjonijiet għal politiċi ewlenin li opponew il-Gvern Libjan għall-għaqda

L-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet għal tliet politiċi Libjani prominenti li qed jopponu għall-Gvern ġdid, appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, li se jaħdem għall-għaqda fost il-Libjani.

Fil-mira tas-sanzjonijiet hemm il-kapijiet tal-Gvernijiet rivali – fi Tripli u Tobruk – li ilhom jissieltu għall-poter minn wara l-konflitt ċivili tal-2011 li ġab fi tmiem ir-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi.

Is-sanzjonijiet jaħsbu għall-iffriżar tal-assi tal-politiċi li jistgħu anki jkunu pprojbiti milli jivvjaġġaw. Il-politiċi msemmija huma Khalifa Ghweil, il-Kap tal-Gvern fi Tripli li hu appoġġjat mill-militanti Iżlamisti; Agilah Saleh, li jmexxi l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Tobruk u Nouri Abusahmen, li jmexxi l-Kungress Ġenerali Nazzjonali (l-eksparlament) li jappoġġja lill-Gvern ta’ Ghweil.

Il-miżuri qed jittieħdu wara li l-Mexxejja tal-Gvern Libjan għall-għaqda waslu Tripli mit-Tuniżija. Mhux ċar kif l-amministrazzjoni ġdida se tieħu kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Istat (Libjan) fost oppożizzjoni kbira u sparaturi fil-kapitali. Dan meta l-Gvern għall-għaqda għadu ristrett għaz-zona tal-port tal-kapitali f’sitwazzjoni ferm inċerta.

Filwaqt li l-potenzi tal-Punent irrikonoxxew il-Gvern Libjan għall-għaqda bħala l-unika amministrazzjoni leġittima, in-Nazzjonijiet Uniti se tikkunsidra li tneħħi s-sanzjonijiet fir-rigward tal-fond għall-investimenti tal-Libja, f’każ li l-Gvern ġdid jikseb kontroll tal-pajjiż.

Il-fond inkwistjoni meqjus li fih l-ekwivalenti ta’ 67 biljun dollaru iżda ilu ristrett mis-sanzjonijiet sa mill-2011.