Il-grupp Amnesty International akkuża lit-Turkija li qed tisforza eluf ta’ refuġjati biex jirritornaw fis-Sirja.
Kelliema għal Amnesty qalu li, min-nofs Jannar ’il hawn, talanqas 100 Sirjan intbagħtu lura ‘kuljum’ lejn pajjiżhom, li spiċċa mfarrak minn konflitt li ilu għaddej ħames snin. Dawn it-trasferimenti saru b’abbuż tal-liġi internazzjonali, bl-Amnesty isostni li r-rapport tiegħu jikxef id-difetti fil-ftehim riċenti bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, intiż biex irażżan il-movimenti kontinwi ta’ refuġjati u immigranti li qegħdin jaslu l-Greċja.
It-Turkija, intant, ċaħdet li qed tibgħat lura r-refuġjati Sirjani kontra l-volontà tagħhom.
Ir-rapport ta’ Amnesty ħareġ jiem qabel it-Turkija mistennija tirċievi l-ewwel immigranti li għandha tirritorna l-Greċja taħt il-ftehim mal-UE. In-Nazzjonijiet Uniti sejħet ukoll għal ‘salvagwardi’ qabel ir-ritorn tal-immigranti jista’ jkun implimentat.
L-Amnesty International irrefera għal indikazzjonijiet – skont riċerka li qed jagħmel fin-naħat t’isfel tat-Turkija – li l-awtoritajiet ta’ dawk iz-zoni ‘kważi kuljum qegħdin jiġbru u jkeċċu gruppi ta’ madwar 100 persuna (rġiel, nisa u tfal) Sirjani, fi proċess li ilu l-ġimgħat’.
Taħt il-prinċipju tal-liġi umanitarja internazzjonali, kwalunkwe Stat hu pprojbit milli jiddeporta individwi lejn xi zona ta’ gwerra.
Fil-każ ‘tat-Turkija’ jidher li ħafna mis-Sirjani li ntbagħtu lura pajjiżhom kienu refuġjati mingħajr forma ta’ reġistrazzjoni, iżda nstabu wkoll każi ta’ Sirjani rreġistrati bħala refuġjati li qegħdin jintbagħtu s-Sirja ‘mingħajr id-dokumenti tagħhom’.
Il-kelliema għall-Amnesty irrimarkaw dwar ‘l-inumanità’ tas-sitwazzjoni u l-iskala xokkanti tat-trasferimenti tas-Sirjani, waqt li ħeġġew biex it-Turkija ma tkomplix b’dan l-aġir.
//= $special ?>