Internazzjonali

Wara l-kroll tal-flyover f’Kalkutta….Jonqsu t-tamiet li jinstabu l-ħajjin

Rescue workers recover the body of a person after a bridge under construction collapsed in Kolkata, India, 31 March 2016.

Naqsu t-tamiet li jinstabu aktar ħajjin taħt il-flyover li ċeda, nhar il-Ħamis, għal fuq triq traffikuża fil-belt ta’ Kalkutta, fl-Indja.

F’din it-traġedja mietu talanqas 24 persuna, b’għexieren oħra jisfaw midruba. L-iskwadri għall-emerġenza, fl-aħħar sigħat stinkaw bla waqfien biex iħaffru fost it-terrapien fl-inħawi bit-tama li jsibu n-nies ħajjin. L-akbar sforzi saru fiz-zona ta’ Girish Park, fejn kien qed jittella’ l-flyover, iżda l-awtoritajiet mhumiex ottimisti li jseħħ ‘miraklu’.

Il-pont li ċeda – li kellu jkun twil madwar żewġ kilometri – kien fl-aħħar stadju tal-kostruzzjoni. Il-Pulizija, issa, fetħet każ ta’ omiċidju dovut għal negliġenza kontra l-kumpanija inkarigata mill-bini tal-flyover.

L-aħħar rapporti qalu li ħames uffiċjali tal-kumpanija nżammu għall-interrogazzjoni, bil-Pulizija tagħlaq l-aċċessi għall-kwartieri tal-istess kumpanija, li jinsabu fil-belt ta’ Hyderabad.

Il-kumpanija qalet li se tikkoopera mal-investigaturi, iżda wieħed mill-uffiċjali tagħha sostna, waqt konferenza, li l-kollass tal-flyover kien dovut għal ċirkostanzi ‘li l-ebda bniedem ma kellu kontroll fuqhom’. Hu kompla li l-istess kumpanija ‘għandha rekord tajjeb’ f’dak li jirrigwarda s-sigurtà.

Uffiċjali tal-emerġenza, intant, qalu li ’l fuq min 90 persuna kienu salvati minn taħt it-tifrik tal-flyover u li wħud jinsabu l-isptar f’kundizzjoni kritika. Dan fost indikazzjonijiet li jista’ għad fadal ħafna nies oħrajn mirdumin taħt it-terrapien.