Bejn l-2005 u l-2015 kien hemm 490 addozzjoni minn barra l-pajjiż, bl-iktar sena tkun reġistrata fl-2007 b’63 addozzjoni u l-inqas sena tkun reġistrata fl-2015 bi 18-il addozzjoni.
Dawn iċ-ċifri ngħataw minn Desiree Attard, mill-Aġenzija dwar l-Opportunitajiet tal-Adozzjoni waqt il-konferenza nazzjonali “Il-Familja – Dritt ta’ kull tifel u tifla” organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Il-konferenza ddiskutiet diversi aspetti tal-addozzjoni kif ukoll sfidi li jiltaqgħu magħhom il-persuni involuti, fosthom il-ġenituri prospettivi.
Fil-preżentazzjoni tagħha, Desiree Attard spejgat li bħalissa hemm 5 pajjiżi miftuħin għall-addozzjoni u dawn huma l-Islovakkja, l-Albanija, ir-Russja, il-Bulgarija u l-India. Is-sena li għaddiet kien hemm 13-il addozzjoni mir-Russja, li 10 minnhom ġew minn Moska.
Desiree Attard tkellmet dwar l-isfidi li bħala aġenzija jiltaqgħu magħhom fosthom id-diffikulta kbira li qed issib l-Aġenzija biex tiftaħ aktar pajjiżi għall-addozzjoni. Hi saħqet dwar il-ħtieġa li l-Gvern isaħħaħ il-komunikazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi biex il-proċeduri għall-addozzjoni jkunu ffaċilitati u dan għandu jseħħ partikolarment ma’ dawk il-pajjiżi li huma firmatarji fil-Konvenzjoni ta’ The Hague.
Kemm kien hemm addozzjonijiet minn barra fl-aħħar 10 snin?
2005 – 39 addozzjoni
2006 – 59 addozzjoni
2007 – 63 addozzjoni
2008 – 52 addozzjoni
2009 – 35 addozzjoni
2010 – 47 addozzjoni
2011 – 49 addozzjoni
2012 – 58 addozzjoni
2013 – 43 addozzjoni
2014 – 27 addozzjoni
2015 – 18-il addozzjoni


