Lokali

Favur aktar riċerka u għarfien biex tiġi indirizzata l-kundizzjoni tal-awtiżmu

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Awtiżmu, l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ biex din il-kundizzjoni tiġi ndirizzata, fost l-oħrajn, b’aktar riċerka li tindirizza l-integrazzjoni ta’ persuni bl-awtiżmu fis-soċjetà. Hu stmat li 1 minn kull 100 persuna jbatu bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnic u l il-Kelliem tal-Familja ud-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilta’ Robert Cutajar saħaqli li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni se jkun qed jipparteċipa bis-sħiħ fid-dibattitu Parlamentari dwar il-liġi tal-awtiżmu li ġiet imressqa fil-Parlament. Hu b’dan il-mod li persuni bl-awtiżmu kif ukoll il-qraba tagħhom ikollhom rashom mistrieħa li l-policymakers qed jagħmlu l-aqwa liġijiet għalihom. Minbarra din il-liġi, l-Partit Nazzjonalista jinsisti li din il-kundizzjoni tkompli tittieħed bis-serjetà bil-kura li tingħata.

Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll għal aktar għarfien dwar l-awtiżmu biex aktar persuni jgħarfu x’inhi din il-kundizzjoni u kif għandhom iġibu rwieħhom ma’ persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-awtiżmu. Permezz tar-riċerka, l-kura u l-implimentazzjoni tal-liġi ġdida, persuni li għandhom l-awtiżmu jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti u inklussiva.

Għall-Partit Nazzjonalista, setturi bħal dawk tal-awtiżmu m’għandhom qatt jiġu ppolitiċizzati. Anzi, l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni lest li jaħdem mal-Gvern biex jiżdied l-għarfien u jkun hemm aktar integrazzjoni ta’ persuni bl-awtiżmu fis-soċjetà.