Min jiddeċiedi l-aġenda politika tal-pajjiż żbalja bil-kbir meta ma għarafx ipoġġi l-prioritajiet fuq quddiem fejn jidħlu l-interess tat-tfal.
Qal dan il-Keliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja, il-Ħarsien tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilita’ Robert Cutajar waqt il-konferenza nazzjonali “Il-Familja – Dritt ta’ kull tifel u tifla” organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Robert Cutajar fakkar li l-abbozz ta’ liġi li jitratta l-ħarsien tat-tfal tħalla mdendel fil-Parlament minkejja li dan l-abbozz jista’ jagħmel differenza kbira għall-mijiet ta’ tfal u koppji jew individwi li tħallew ibatu minħabba l-għażla fil-prioritajiet u n-nuqqas ta’ viżjoni.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li l-ħarsien tat-tfal għandu jkun ‘il fuq fl-aġenda politika tal-pajjiż u kien hawn fejn tenna l-impenn tal-Oppożizzjoni li tkun il-vuċi u t-tarka għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal wara li fl-aħħar sentejn, kien hemm lok akbar biex il-qasam soċjali f’pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
Tenna l-impenn tal-Oppożizzjoni li tappoġġja kull inizjattiva tajba fl-interess tat-tfal, tiġi minn fejn tiġi u li dawn l-inizjattivi jkunu implimentati anke meta l-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ itwettaq ħidma favur il-ħarsien tat-tfal.
Robert Cutajar qal li mil-laqgħat li kellu ma’ dawk kollha involuti, ħareġ biċ-ċar li m’hu qed ikun mitlub xejn ta’ barra minn hawn, għajr impenn, dedikazzjoni, deċiżjonijiet u viżjoni.
“Irridu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies anke fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal” saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni li staqsa x’jiswa’ li nitkellmu dwar l-ekonomija jekk fl-istess ħin hemm nies li jħossuhom qed jaqdfu weħidhom quddiem id-diffikultajiet li jiffaċċjaw.
//= $special ?>
