Lokali

“Il-PN se jibqa’ jiddiskuti u jikkonsulta biex isawwar l-aqwa politika dwar il-ħarsien tat-tfal” – Paula Mifsud Bonnici

L-għan tal-konferenza nazzjonali dwar il-familja u l-mod kif il-familja hi dritt ta’ kull tifel u tifla hu li l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jsawwar l-aqwa politika dwar il-ħarsien tat-tfal.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici kienet qed tagħmel intervent waqt il-konferenza nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista meta elenkat l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jsawwar politika dwar il-ħarsien tat-tfal imsejsa fuq it-twemmin li l-familja hi l-pillastru ewlieni tas-soċjeta’ tagħna.
Paula Mifsud Bonnici spjegat li matul l-aħħar ġimgħat u xhur, l-Oppożizzjoni ltaqgħet ma’ diversi assoċjazzjonijiet u entitajiet li lkoll għandhom għal qalbhom it-tfal u fissret l-importanza li l-interessi tat-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu. 

“L-għan aħħari hu li wara aktar konsultazzjoni u diskussjoni, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ joħroġ bil-politika favur il-familja u t-tfal” spjegat ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni li nnutat li waqt il-konferenza ssemmew numru ta’ sfidi li qed jiffaċċjaw persuni involuti fil-ħarsien tat-tfal, fosthom foster carers u ġenituri addottivi.
Waqt il-konferenza nazzjonali kien hemm preżenti numru ta’ foster carers kif ukoll ġenituri addottivi li tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom. Preżenti wkoll numru ta’ organizazzjonijiet u individwi li jaħdmu direttament fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal. 

Fl-intervent tagħha, Paula Mifsud Bonnici rrimarkaw li jeħtieġ li l-isfidi li qed ikunu ffaċċjati llum jinbidlu f’opportunitajiet għax kull tifel u tifla għandhom dritt għall-familja.
Filwaqt li elenkat numru ta’ mezzi kif is-settur tal-ħarsien tat-tfal jista’ jissaħħaħ, fosthom billi jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal u s-sistemi ta’ addozzjonijiet f’pajjiżna, ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici ħeġġet aktar diskussjonijiet li għandhom iwasslu għall-aqwa politika dwar il-familja u l-ħarsien tat-tfal.