Lokali

Il-priġunieri ma tħallsux ta’ kollox

Il-Fondazzjoni Marigold ikkonfermat fi stqarrija li l-pagamenti pendenti għall-priġunieri għax-xogħol li wettqu bħala parti mill-proġett Love Faith Forgiveness, għadhom ma tħallsux kollha. Minkejja dan il-fondazzjoni qalet li dawk li għadhom jistennew biex jitħallsu, ma tħallsux minħabba proċedura “normali”.

Meta mart il-Prim Ministru Michelle Muscat għażlet li twieġeb lill-medja, eskludiet lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ media.link communications u ta’ The Malta Independent.

Intant, il-Kap tat-Taskforce taċ-CHOGM Phyliss Muscat qed taħrab milli twieġeb il-mistoqsijiet ta’ netnews.com.mt b’rabta ma’ dan il-każ. Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Phyliss Muscat bit-telefon imma baqgħet tinsisti biex il-mistoqsijiet jintbagħtulha bl-e-mail, li min-naħa tagħha injorat u ma weġbitx.

Il-mistoqsijiet ta’ netnews.com.mt huma: Sar xi pagament lill-kumpanija ta’ Mary Grace Pisani li għamlet madwar 400 kostum għall-attivitajiet ta’ CHOGM 2015 u li nħadmu minn priġunieri nisa? Jekk il-pagament seħħ, meta sar? F’każ li l-pagament għadu ma sarx, meta se jsir u għaliex għadhom ma sarux dawn il-pagamenti hekk kif għaddew iktar minn erba’ xhur minn meta spiċċa ċ-CHOGM?

Numru ta’ priġunieri nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma dovuti eluf ta’ ewro fuq xogħol ta’ ħjata fuq purtieri u kostumi matul is-sena li għaddiet fi proġett li kien appoġġjat minn Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru u li hija ħabiba kbira ta’ Mary Grace Pisani.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-istorja Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista meta ħarġet din l-istorja kien qal li dan l-isfruttament huwa parti minn katina ta’ kif qed jiġu trattati sezzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan ifakkarna fl-ammonta ta’ sigħat żejda li għamlu l-Fizzjali fil-Korp tal-Pulizija fiċ-CHOGM u li tagħhom il-Gvern ma jridx iħallashom. Iffakarna wkoll f’ammont kbir ta’ cleaners fil-Kulleġġi tal-Gvern li għandhom il-kuntratt tagħhom jiġġedded kull tlett xhur.