Albert Fenech jgħid li n-nies li qed imexxu l-pajjiżna ma jistgħux jissejħu onorevoli għas-sempliċi raġuni li dak li qed iwettqu hu għal kollox bil-kontra
F’ittra mibgħuta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Professur Albert Fenech ħabbar li rriżenja mill-Parlament.
Fl-ittra tiegħu il-Professur Fenech qal li minħabba li d-Dipartiment l-ġdid tal-Kardjoloġija li twaqqaf mill-Gvern Laburista iddeċieda li m’għadx hemm bżonn is-servizzi tiegħu u l-anqas hemm ħafna xogħol fil-privat, iddeċieda li jfittex toroq ġodda biex l-esperjenza vasta tiegħu fis-settur tas-saħħa ma tintilifx u għalhekk beda b’ħidma biex isib xogħol barra minn pajjiżna.
Albert Fenech qal li hu kien avviċiniat minn Vitals Global Healthcare (VGH) li offrietlu l-kariga ta’ Direttur Mediċinali u wkoll Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Hu qal li flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien iddiskuta l-possibiltà ta’ kunflitt ta’ nteress minħabba li l-Partit Nazzjonalista ma kienx jaqbel mal-fatt li l-isptar t’Għawdex jitmexxa minn dan il-grupp iżda kien hemm qbil li ladarba l-Professur Fenech ma kienx membru fil-bord eżekuttiv ta’ VGH dan ma kienx meqjus bħala kunflitt.
Hu sostna li din il-kariga ġdida tiegħu se tkun tfisser ħafna safar kull xahar u dan biex ikun jista’ jibqa’ jżomm l-prattika ta’ kirurgu. Dan għalhekk ifisser li se jkun hemm ammont konsiderevoli ta’ safar li jtellef mill-ħidma parlamentari tiegħu.
Albert Fenech żied jgħid li wara l-laqgħa mal-Kap tal-PN Vitals Global Healthcare irnexxielha tagħmel ftehim ġodda mal-Georgia u anke s-Slovakkia u għalhekk dan se jsarraf f’aktar vjaġġar għalih.
Fl-ittra l-Profs. Fenech ikompli jgħid illi kieku ma kienx hemm min bl-appoġġ tal-Gvern warrbu mill-ħidma tiegħu fis-settur tas-saħħa pubblika, iċ-ċirkostanzi kienu jkunu differenti u għalhekk kien ikun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu bħala membru parlamentari għall-Partit Nazzjonalista. Għalhekk dan it-tibdil mhux mixtieq kellu jħalli effett ukoll fuq il-ħidma politika tiegħu.
Ix-xhur li ġejjin se jkunu xhur kruċjali għall-pajjiżna, sostna Albert Fenech. Dan minħabba l-fatt li qed naraw l-prinċipji fundamentali ta’ governanza u demokrazija jitmermru. Il-Pajjiż qed jitmexxa min-nies li m’għandhomx il-kapaċità, l-onestà, t-trasparenza u sinsla morali jew diċenza meħtieġa biex imexxu l-pajjiż. Il-professur Fenech ikompli jgħid li l-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu jixraqilhom ferm aħjar.
Albert Fenech jgħid ukoll li n-nies li qed imexxu l-pajjiżna ma jistgħux jissejħu onorevoli għas-sempliċi raġuni li dak li qed iwettqu hu għal kollox bil-kontra.
Fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ riżenja l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li filwaqt li jifhem il-motivazzjoni wara r-riżenja tal-Professur Fenech mill-Parlament, juri d-dispjaċir tiegħu kif dan il-Gven għażel li jwarrab il-ħiliet u l-esperjenza tal-Professsur Albert Fenech.
Simon Busuttil qal li hu skandaluż kif il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi filwaqt li ma kellux problema li jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, ma ddejjaq xejn li jkun partiġġjan u ma għamel xejn biex iżomm is-servizzi tiegħu fl-aħjar interess tal-poplu Malti.
Simon Busuttil żied jgħid li l-professur Fenech għandu kull raġun jgħid li s-sitwazzjoni politika bħalissa fil-pajjiż tinsab mtappna bil-kriżi ta’ korruzzjoni. Simon Busuttil assigura li mhux ħa jħallili din il-kriżi tkompli teskala u se jnaddaf is-sistema politika.
Hu rringrazza lill-Professur Fenech għall-ħidma tiegħu fil-Parlament u fil-Partit Nazzjonalista u awguralu għall-ħidma ġdida tiegħu.
//= $special ?>