Lokali

“Il-valuri għandhom jiggwidaw il-politika tal-PN dwar il-familja u l-ħarsien tat-tfal” – Simon Busuttil

Li l-familja tibqa’ kkunsidrata fiċ-ċentru tas-soċjeta’ tagħna, li d-drittijiet tat-tfal ikunu kkunsidrati bħala drittijiet ewlenin u r-rispett lejn id-dinjita’ ta’ kull min hu nvolut fil-ħarsien tat-tfal huma t-tlett prinċipji u valuri li jiggwidaw il-politika tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam.

Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-konferenza nazzjonali “Il-Familja – Dritt ta’ kull tifel u tifla” organizzata mill-Partit Nazzjonalista.”

Filwaqt li spjega li l-politika dwar il-ħarsien tat-tfal u d-dritt tagħhom li jgħixu f’familja tiġi żviluppata mill-esperjenzi ta’ kull min hu involut, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-prinċipji li fuqhom il-Partit Nazzjonalista jrid jibni l-politika f’dan il-qasam fuqhom. 

Simon Busuttil spjega li l-familja tibqa’ tkun ikkunsidrata bħala n-nukleu essenzjali tas-soċjeta’ tagħna hu l-ewwel prinċipju, li jfisser li l-familja għandha tissaħħaħ għaliex dan iwassal għat-tisħiħ tas-soċjeta’. Filwaqt li qal li mhux fil-kompitu tal-politiku li jgħid x’għandha tkun id-definizzjoni tal-familja, il-politiku għandu jgħin il-familja fis-soċjeta’ – speċjalment il-familja li tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli.

Iżda l-politika tal-Partit Nazzjonalista għandha tinbena wkoll fuq it-twemmin li d-drittijiet tat-tfal huma drittijiet ewlenin li għandhom jingħataw preferenza fuq id-drittijiet tal-persuni l-oħra involuti fil-ħarsien tat-tfal, inkluż mid-drittijiet tal-ġenituri bijoloġiċi. Id-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu ssalvagwardjati għax inkella nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet tat-tfal jintilfu u ma jibqgħux drittijiet primarji. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied jgħid li madanakollu jeħtieġ li d-dinjita’ tal-persuni kollha involuti tkun rispettata u dan b’referenza għall-ġenituri bijoloġiċi, il-foster carers, il-ġenituri addottivi u kull min hu involut fil-ħarsien tat-tfal. Kien hawnekk fejn semma l-importanza li d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam jittieħdu minn persuni li verament iħarsu lejn l-interess tat-tfal u lejn id-dinjita’ tal-persuni kollha involuti.

Simon Busuttil qal li mingħajr dawn il-prinċipji u l-valuri, tintilef il-boxla tant meħtieġa f’dan il-qasam sensittiv u rrimarka li sfortunatament illum għandna Gvern li tant hu mifxul u fi kriżi ta’ korruzzjoni li mhux qed jikkonċentra fuq l-iggvernar tal-pajjiż. Bħala eżempju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma l-abbozz ta’ liġi dwar il-ħarsien tat-tfal li ilu mdendel fil-Parlament għal żmien twil.

“Kieku l-Gvern kellu valuri f’dan il-qasam, kieku mhux qegħdin hawnekk nistennew biex tidħol fis-seħħ din il-liġi” sostna Simon Busuttil li żied li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares ‘il quddiem biex joħroġ bil-proposti tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-politika dwar il-familja u l-ħarsien tat-tfal ma tissawwarx f’uffiċju magħluq, iżda mill-esperjenzi ta’ kull min hu involut. Kien hawnekk fejn fakkar dwar l-esperjenza ta’ ħames siegħat fix-xahar li qed iqatta’ ma’ persuni li qed jipparteċipaw fil-programmi tal-Caritas. “Dan hu s-sabiħ tal-politika, li ssawwar il-politika wara li tmiss mar-realtijiet tal-ħajja u tisma’ mill-esperti, min-nies li jgħixu dawn is-sitwazzjonijiet ta’ kuljum” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.