Sport Waterpolo

It-tim Nazzjonali tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena jkompli jimpressjona

Wara r-rebħiet tal-bieraħ kontra l-Ingilterra u Wales, it-tfajliet Maltin komplew jimpressjonaw meta ftit tal-ħin ilu għelbu lid-Danimarka 10-8 fit-tournament tal-EU Nations li qed isiru proprjament f’Odense, id-Danimarka. B’din ir-rebħa, it-tfajliet Maltin rebħu Grupp B.

L-ewwel sessjoni spiċċat 2-2 b’Sophie Camilleri tiskorja doppjetta għal Maltin. Il-partita baqgħet bilanċjata tant li ż-żewġ timijiet reġgħu qasmu erba’ gowls biex daħlu jistrieħu 4-4. It-tim ta’ Anthony Farrugia rebaħ it-tielet sessjoni u spiċċa s-sessjoni 8-5 minn fuq b’doppjetta ta’ Michela Zammit u gowls minn Kendra Navarro u Elena Borg. Id-Daniżi pruvaw jsalvaw ir-riżultat iżda minkejja li rebħu l-aħħar sessjoni ma kienx biżżejed bil-Maltin jiskorjaw permezz ta’ Karla Camilleri u Kendra Navarro biex rebħu l-partita 10-8.

It-tim Malti jilgħab is-semifinali llejla fil-5.30pm.