Lokali

“Il-pajjiż ma’ jistax jibqa’ jgħix f’inċertezza”

Is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna bħalissa hija inkwetanti ħafna, għaliex hawn bl-iżjed mod ċar, sens ta’ inċertezza u tensjoni. Ma jistax ikun li l-pajjiż jibqa’ sejjer hekk għal sentejn oħra. Il-Gvern huwa pparalizzat, li flok moħħu kif se jiggverna, moħħu biex jiddefendi lilu nnifsu mill-iskandli li qed ifaqqsu ġurnata wara l-oħra. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza folla kbira fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien qed jitkellem fid-dawl tal-iskandlu dejjem jikber tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Hu staqsa kif ladarba Keith Schembri diġà kellu kumpaniji fil-British Virgin Islands, x’inhi r-raġuni li fetaħ kumpanija sigrieta oħra fil-Panama? “Ma nagħmlux mod li fetaħha għal xi ħadd ieħor, u qed isellef ismu għal xi ħadd ieħor?” staqsa Simon Busuttil.

Hu qal li hemm żewġ possibilitajiet għalfejn Joseph Muscat għadu ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi : jew għaliex tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u m’għadux kapaċi jmexxi l-pajjiż, jew inkella li hemm suspett kbir li hu involut u kompliċi magħhom ukoll.

Hu sostna li pajjiżna jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, u aktar ma jgħaddu ġranet li fihom Joseph Muscat ma jkeċċix lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, aktar il-Gvern ta’ Muscat ikun qed iħaffar il-qabar tiegħu u jitlef il-fiduċja tan-nies.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-attakki u l-gideb tal-Partit Laburista fuq l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom hu nnifsu, Ann Fenech, Mario de Marco u Beppe Fenech Adami. “Ma tistax tgħatti l-korruzzjoni billi tigdeb fuq ħaddieħor,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu rrefera wkoll għad-deċiżjoni taċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li ma tħallix lill-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar l-iskandlu tal-Panama, kif ukoll id-deċiżjoni tas-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri li trid tneħħi l-billboards tal-Partit Nazzjonalista għaliex fuq il-billboards hemm kritika dwar l-iskandlu tal-Panama.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-kawża li l-Pulizija fetħet kontra d-Deputat Jason Azzopardi, u sostna li l-attakk fuq Jason Azzopardi huwa kontrieh nnifsu u kontra l-Oppożizzjoni kollha. “Nhar l-Erbgħa jien se nkun ma’ Jason Azzopardi l-Qorti għaliex dan huwa attakk kontrina kollha,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li dawn l-affarijiet ma jsirux f’demokrazija, iżda huma attakki ta’ faxxiżmu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-Professur Albert Fenech, li kien Ħal Tarxien, għal-lealtà u s-serjetà tiegħu wara li ħabbar li rriżenja mill-Parlament ilbieraħ. Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu, l-Profs Fenech spjega kif wara li ftit tax-xhur ilu twaqqaf milli jagħti s-servizz tiegħu fl-Isptar Mater Dei, bix-xogħol ġdid tiegħu se jkun qed jagħmel żmien twil barra mill-pajjiż. Simon Busuttil irringrazzja lill-Profs Fenech għall-ħidma tiegħu kemm fil-Parlament kif ukoll għas-servizz lill-pazjenti Maltin u Għawdxin. “Hija xi ħaġa li tweġġani ħafna li l-Ministru tas-Saħħa jsir ir-rieda li jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, iżda ma jsibx il-kuraġġ li jżomm lill-Profs Fenech fl-Isptar Mater Dei,” qal Simon Busuttil.

Fid-dawl tal-kriżi ta’ korruzzjoni li qed jegħreq fiha dan il-Gvern, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed joffri tama ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi. Hu fakkar li diġà ntrabat pubblikament li qed jagħmel it-tieni missjoni pubblika tiegħu li jnaddaf is-sistema politika f’Malta, u qed jaħdem biex pajjiżna jkun pajjiż normali.