Internazzjonali Kurżitajiet

Istanbul: Il-belt li tgħaqqad l-Ewropa u l-Asja

L-akbar belt fit-Turkija, belt unika fid-dinja li hi maqsumha f’żewġ kontinenti mill-baħar Bosfru, li jifred l-Asja minn mal-Ewropa. Istanbul hi l-belt fejn il-kultura Islamika titħallat ma’ elementi Ewropej u Asjatiċi li jkomplu jsebbħu u jarrikkixxu l-kultura Torka. Apparti l-kuntrast fil-kulturi, wieħed faċli jinnota d-differenza bejn n-naħa l-qadima u n-naħa l-moderna tal-belt.

Fl-isfond tax-xeni ta’ din il-belt Ottomana, jidru in-numru ta’ minaretti fil-bogħod li jispuntaw mir-rotundi majestużi tal-moskej. Il-bini ta’ din il-belt, waħdu jirrakonta l-ġrajjiet storiċi li seħħu f’Istanbul, u li jkomplu juru l-importanza ġeografika ta’ din il-belt matul iż-żminijiet, dik li tifred il-baħar Marmara minn mal-Baħar l-Iswed. Fost dawn il-monumenti, nsibu siti bħas-swar tal-belt antika tal-Biżantini Kostantinopli mir-raba seklu wara Kristu, il-Hagia Sophia li oriġinarjament kienet knisja kattolika iżda bil-wasla tal-Ottomani ġiet mibdula f’moskea, u saħansitra max-xatt tal-baħar il-palazz indiskrivibbli ta’ Dolmabahçe li għexu fih numru ta’ slaten lejn l-aħħar tal-imperu Ottoman. Waħda mill-ikoni f’Istanbul, hi bla dubju l-Moskea ta’ Sultan Ahmed, magħrufa aktar bħala l-Moskea l-Blu minħabba l-kulur tal-madum tagħha.

Meta wieħed iżur din il-belt, idealment imur dawra fuq waħda mid-dgħajjes li jdawruk mal-ixtut tal-baħar Bosphorus. Waqt li d-dgħajsa timxi mal-ixtut tal-baħar, tkun tista’ tgawdi xeni mill-isbaħ tal-aqwa veduti fil-belt.

Il-prodotti tal-ikel tat-Turkija huma magħrufin mad-dinja kollha. F’Istanbul, insibu wkoll Bazaar tal-ħwawar, li appena tidħol fih mal-ewwel ir-riħa tal-prodotti naturali ddaħlek fl-atmosfera tradizzjonali tal-post. Hemmhekk, insibu numru kbir ta’ ħwienet, bid-differenza li l-maġġor parti ta’ dawn huma marbutin ma’ prodotti tal-kċina. Fost il-prodotti li jinbiegħu f’dan il-post insibu l-ħwawar kkuluriti, Turkish delights magħmulin minn kull frotta immaġinabbli, u l-varjazzjoni ta’ te b’riħa li taqsamlek qalbek.

Flimkien mas-siti storiċi, insibu wieħed mill-eqdem u l-akbar monti msaqqaf fid-dinja. Il-Grand Bazaar fih madwar 3,000 ħanut mqassam f’61 triq, fejn miljuni ta’ turisti jżuru dawn il-ħwienet kull sena sabiex jixtru diversi prodotti, fosthom dehebijiet, twapet tradizzjonali, prodotti magħmulin mill-ġilda, u ġojjelli. Minbarra dan iċ-ċentru kummerċjali fuq stil tradizzjonali, fi triq Istiklal f’Istanbul wieħed isib triq twila mimlija stabbilimenti kummerċjali moderni b’ditti magħrufin, żona li hi popolari ħafna mat-turisti għax-xiri.

Wara dan il-wirt kulturali f’Istanbul, insibu n-nies tal-post li huma magħrufin għall-ospitabbilita’ u l-ħajja ferriħijja li jgħixu. Minkejja li bħal kull belt kbira fid-dinja ikun hemm veduta ta’ żoni foqra, il-popolazzjoni Torka hi waħda ħabbrieka ħafna, pero jafu kif għandhom igawdu l-ħajja wkoll – simili ħafna tagħna l-Maltin. Bosta ħwienet, tal-ikel, xorb u anke tal-ħwejjeġ jibqgħu miftuħin sas-siegħat bikrin tal-lejl, b’hekk ikomplu jagħtu ħajja lil din il-belt mhux biss filgħodu, imma anke filgħaxija. Biex tiġbor kollox f’daqqa, tista’ tgħid li inti u miexi f’Istanbul, wara kull kantuniera, dejjem tiskopri esperjenza kulturali ġdida li tibqa’ stampata fil-memorja sabiħa tal-mawra tiegħek.

Artiklu: Darren Carabott
Ritratti: Martin Agius
Dan is-servizz hu miġjub grazzi għat-Turkish Airlines