Internazzjonali

Jitħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali mill-Ażerbajġan

L-Ażerbajġan ħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali wara battalji twal bejn il-qawwiet tiegħu u l-militar tal-Armenja fir-rigward tar-reġjun polemikuż ta’ Nagorno-Karabakh.

Kelliema f’Baku qalu li l-Ażeri ħadu dan il-pass b’reazzjoni għas-sejħiet tal-komunità internazzjonali biex tieqaf il-vjolenza fir-reġjun u wara li mietu għexieren ta’ suldati u ċivili fuq iż-żewġ naħat b’kaġun tal-aħħar żbroff.

Ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh ilu kkontrollat minn separatisti Armeni-etniċi mill-1994 meta spiċċat il-gwerra f’dik iz-zona. L-aħħar battalji bdew nhar is-Sibt waqt li l-isparar bejn il-qawwiet Ażeri u Armeni baqa’ għaddej sallum. L-Armenja u l-Ażerbajġan it-tnejn qalu li tilfu t-truppi f’dan il-ġlied fost rapporti li numru ta’ tfal inqatlu jew sfaw midruba fl-aħħar inċidenti. Fl-istess ħin, il-militar ta’ Karabakh li hu appoġġjat mill-Armenja, sostna li l-ġlied qalil kien għadu ma battiex fl-inħawi.

L-awtoritajiet tal-Istati rivali qegħdin iwaħħlu f’xulxin għal abbużi tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Nagorno-Karabakh, bil-Gvern Armen isostni li l-Armata tal-Ażerbajġan, fl-aħħar sigħat, wettqet offensiva qalila bl-artillerija, ħelikopters u tankijiet tal-gwerra. Min-naħa tiegħu, il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li hu qed jappoġġja b’mod assolut lill-Ażerbajġan fil-konfront mal-Armenja.