Lokali

Joseph Muscat ried lil Konrad Mizzi biex imexxi d-deal tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet u mhux lil Godfrey Farrugia

Il-Mument illum żvelat kif il-Prim Ministru Joseph Muscat warrab lil Godfrey Farrugia minn Ministru tas-Saħħa f’Marzu tal-2014 minħabba li ried li jkun il-Ministru Konrad Mizzi li jiftiehem u jiffinalizza l-kuntratt tal-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech lil Vitalis Global Healthcare.

Din hi r-raġuni vera għaliex Godfrey Farrugia twarrab minn Ministru tas-Saħħa. Il-Prim Ministru ma kienx komdu b’Godfrey Farrugia fil-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa biex isiru n-negozjati u eventwalment il-ftehim ma’ Vitalis Global Healthcare dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet.

In-negozjati ma’ Vitalis Global Healthcare saru fost ħafna ħabi u segretezzi, u l-kuntratti relatati għadhom mhux pubblikati biex hekk iħallu lil kulħadd fil-għama dwar il-kundizzjonijiet u l-kontenut tagħhom.

Minkejja talbiet ripetuti li saru lill-Gvern biex dan il-kuntratt ikun pubblikat, jew impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, sal-lum il-Gvern ta’ Joseph Muscat baqa’ jżomm iebes ħafna milli joħroġ fil-beraħ dan il-kuntratt.

Il-PM ried li jkollu kontroll assolut

Mill-bidu nett tan-negozjati bejn il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat u Vitalis Global Healthcare, il-Prim Ministru ried li jkollu kontroll dirett fuq dak li jkun negozjat u ħassu komdu li dawn in-negozjati jkunu pilotati biss minn Konrad Mizzi li diġà kellu ministeru kbir; dak tal-Enerġija.

F’dan l-isfond il-Prim Ministru beda jaħseb fil-mod kif Godfrey Farrugia seta’ jitwarrab minn Ministru tas-Saħħa. Dan kien ukoll żmien ta’ ħafna tgergir dwar is-Servizzi tas-Saħħa, b’mod partikolari dwar is-servizzi mogħtija fl-Isptar Mater Dei fejn kienu qed jispikkaw ħafna l-ilmenti dwar l-istennija u l-kwalità tas-servizz, u l-Prim Ministru għażel li joffri lil Godfrey Farrugia l-Ministeru tal-Politika Soċjali u l-Familja.

Il-mossa tal-Prim Ministru Joseph Muscat kellha l-iskop preċiż li twassal messaġġ fil-pubbliku li hu qed jieħu azzjoni dwar id-diżastru fil-qasam tas-Saħħa, iżda fil-verità l-iskop ewlieni tiegħu kien li jtajjar lil Godfrey Farrugia minn kull involviment tad-diskussjonijiet ma’ Vitalis Global Healthcare.

Dan waqt li Joseph Muscat ried li l-Ministru Konrad Mizzi jkun involut direttament fid-diskussjonijiet. B’Konrad Mizzi jippilota wkoll in-negozjati ma’ Vitalis Global Healthcare, Joseph Muscat assigura li jkollu kontroll assolut dwar dak kollu li kien qiegħed isir.

Godfrey Farrugia ma lagħabx il-logħba politika ta’ Muscat

Dak li ma basarx Joseph Muscat kien li meta offra l-Ministeru tal-Politika Soċjali u l-Familja lil Godfrey Farrugia, dan tal-aħħar beżaqlu mis-sunnara u ma aċċettax din l-offerta. Godfrey Farrugia sussegwentement kien offrut numru ta’ Ministeri oħrajn minn fejn jagħżel għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat ried li fil-beraħ iwassal messaġġ ta’ reshuffle fl-aqwa Kabinett li qatt kellna fl-istorja ta’ pajjiżna – xi ħaġa li stqarr hu f’Marzu tal-2013 – iżda ma riedx li fil-beraħ joħorġu elementi ta’ diverġenzi fl-istess Kabinett.

Fl-isfond ta’ dawk l-iżviluppi mgħaġġla li kienu qed iseħħu – u li l-Prim Ministru rabathom ukoll biex ma jagħtix fil-għajn man-nomina ta’ Marie Louise Coleiro Preca għall-Presidenza – l-eks-Ministru Godfrey Farrugia għażel li jibgħat lill-Prim Ministru ittra ta’ riżenja. F’din l-ittra Godfrey Farrugia fisser li hu ma xtaqx li jieħu din il-kariga ta’ Ministru tal-Politika Soċjali u l-Familja. Hu żied li hu jemmen li fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista meta hu kien Ministru tas-Saħħa, hu u sħabu kienu ħolqu s-sisien li s-settur tas-Saħħa kellu bżonn biex isir sostenibbli. Għalhekk hu tenna li kien se jgħaddi r-responsabbiltà tal-Ministeru tas-Saħħa lura lill-Prim Ministru ġaladarba l-Prim Ministru ħass li għandu jagħmel dan.

Ir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia wasslet lil Muscat jagħmel reshuffle qabel iż-żmien

Nhar is-Sibt, 29 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu, l-eks-Ministru Godfrey Farrugia kien mar il-Ministeru li kien jokkupa u ħalla warajh numru ta’ dokumenti kunfidenzjali ma’ żewġ uffiċjali tal-Ministeru. Wara hu kien mar fil-Berġa ta’ Kastilja iżda kien infurmat li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx hemmhekk. Hu kien ħalla l-ittra tar-riżenja tiegħu u talab li din titwassal lill-Prim Ministru b’mod urġenti. Fil-frattemp hu bagħat messaġġ bil-mowbajl lill-Prim Ministru u infurmah bir-riżenja tiegħu minn Ministru membru fil-Kabinett.

Dan kollu wassal biex Joseph Muscat kien kostrett jagħmel reshuffle qabel il-waqt u dakinhar stess beda jsejjaħ għadd ta’ membri fil-Grupp Parlamentari Laburista biex jagħmel it-tibdil fil-Kabinett. Fost l-oħrajn sejjaħ lill-Ministru Konrad Mizzi u ħatru wkoll Ministru tas-Saħħa biex hekk minn Ministru super bid-dekasteru tal-Enerġija, issa kellu wkoll id-dekasteru kbir tas-Saħħa wkoll.

Ir-reazzjoni għal dan kollu fil-jiem ta’ wara kienet waħda qawwija, bid-Deputat Marlene Farrugia, li tiġi s-sieħba tal-eks-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia, tikteb fuq il-paġna tagħha fuq facebook li Godfrey Farrugia kien kostrett jirriżenja minn Ministru għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ridux Ministru tas-Saħħa, tant li offrielu xi Ministeri oħra. Fuq facebook, Marlene Farrugia rribattiet għal xi insinwazzjonijiet li kienu ngħadu mill-midja Laburista u spjegat li x-xewqa ta’ Godfrey Farrugia kienet li hu jibqa’ Ministru tas-Saħħa. Iżda rriżulta li din ma kinitx ix-xewqa tal-Prim Ministru, li ma ridux jibqa’ jokkupa dan il-Ministeru u minflok offrielu Ministeri oħra. Marlene Farrugia kienet insistiet li Godfrey Farrugia ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja wara li l-Prim Ministru xtaqu Ministru mhux responsabbli mis-Saħħa.

Il-fatt li l-Prim Ministru kien iddeċieda li jgħaqqad is-setturi tal-Enerġija u s-Saħħa taħt Ministeru wieħed kien ħoloq xettiċiżmu u tħassib kbir. Rappreżentanti tat-tobba u l-infermiera kienu wrew tħassib serju dwar dan.

Bejgħ ta’ sptarijiet bis-sehem ta’ konsulent sigriet

Fi tmiem Mejju tal-2014 sar magħruf li l-Gvern kien imbarka fuq il-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech billi dawn jinbiegħu lill-barranin.

Dan waqt li l-gazzetta Il-Mument żvelat li l-Ministru Konrad Mizzi beda jaħbi informazzjoni dwar kuntratt ta’ konsulenza li ta lil Alan Comerford. Il-Ministru Konrad Mizzi kien ta wkoll direzzjoni ċara biex dan ikollu aċċess sħiħ għal dokumentazzjoni marbuta ma’ proġetti li qed isiru u li suppost għandhom isiru fis-settur tas-Saħħa, inkluż dawk li suppost għandhom jinħarġu b’tender u oħrajn li ġew identifikati biex jikkwalifikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-isfond ta’ dan kollu rriżulta wkoll li Alan Comerford kien waqqaf kumpanija privata tiegħu bl-isem ta’ Impaqt Limited. Din twaqqfet fil-5 ta’ Mejju tal-2014 bi sħab mal-Managing Partner ta’ Nexia BT Karl Cini. Dan filwaqt li l-kumpanija Nexia BT għandha bħala wieħed mill-Managing Partners lil Brian Tonna, konsulent ieħor tal-Ministru Konrad Mizzi.

Fil-ġranet li għaddew kien żvelat kif il-kumpanija Nexia BT intużat mill-istess Ministru Konrad Mizzi biex waqqaf kumpanija sigrieta fil-Panama u fond moħbi ġewwa New Zealand. Fil-jiem li għaddew Il-Mument żvelat kif deċiżjonijiet importanti ħafna dwar proġetti kbar kapitali li jaqgħu taħt il-portafoll tal-Ministru Konrad Mizzi qed jgħaddu minn idejh.

Kienet Il-Mument li żvelat kif il-Ministru Konrad Mizzi – li hu direttament responsabbli mill-proġetti kapitali kbar fl-oqsma tal-Enerġija u s-Saħħa – ħatar lil Alan Comerford konsulent ewlieni tiegħu biex imexxih f’deċiżjonijiet importanti f’dawn il-proġetti fosthom il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech, fejn għadhom qed jibqgħu mistura l-kuntratti miftiehma.