Il-gazzetta Il-Mument illum żvelat kif il-Ministru Konrad Mizzi responsabbli mill-Enerġija u s-Saħħa f’nofs ix-xahar li għadda kellu laqgħa sigriet ta’ tliet sigħat ma’ uffiċjali għolja tal-kumpanija Shanghai Electric Power li qed tikkontrolla l-Korporazzjoni Enemalta.
Il-Mument tiżvela kif din il-laqgħa sigrieta saret mill-Ministru Konrad Mizzi fil-VVIP Ministerial Lounge tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar l-14 ta’ Marzu li għadda.
Għal din il-laqgħa, li bdiet kmieni waranofsinhar, attendew numru ristrett ħafna ta’ uffiċjali għolja viċin il-Ministru Konrad Mizzi u oħrajn f’karigi għolja fil-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric.
Tiżvela wkoll li f’isem il-kumpanija Shanghai Electric kien hemm preżenti Wang Yundan, iċ-Chairman, u Chen Yuanyuan, Manager responsabbli mill-Ippjanar.
Din il-laqgħa, li l-Gvern żammha sigrieta, saret fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba li tnejn mill-uffiċjali għolja tal-kumpanija Shanghai Electric Power kienu qed jużaw lill-Ajruport bħala transitu lejn iċ-Ċina. Minn Malta huma qabdu t-titjira LH6305 fl-16.25 lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Frankurt fil-Ġermanja.
Dwar din il-laqgħa sigrieta l-Ministru Konrad Mizzi ma ħareġ l-ebda stqarrija biex jgħid x’kien diskuss mad-delegazzjoni minn Shanghai Electric Power.
Il-Mument tiżvela wkoll li kien il-Ministru Konrad Mizzi stess li għamel enfasi qawwija ħafna dwar din “il-laqgħa privata”.
Dawn il-laqgħat sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi ma’ entitajiet barranin, f’dan il-każ ma’ uffiċjali għolja Ċiniżi tax-Shangai Electric Power, ikomplu jqanqlu ħafna tħassib aktar u aktar meta l-Gvern qiegħed ikompli jwebbes rasu u ma jippubblikax il-ftehim li għamel mal-kumpanija Ċiniża.
Minkejja li għaddew bosta xhur mill-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Shanghai Electric Power, dawn id-dokumenti kollha marbuta ma’ dan il-ftehim vitali u mal-proġett tal-Gvern dwar l-Enerġija għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx. Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ikompli jostor dan il-ftehim kif qed jagħmel l-istess fir-rigward ta’ ftehim oħra li laħaq ma’ kumpaniji oħra barranin.
Mhux magħruf x’inhu l-interess tal-Gvern li mhux biss jinnegozja b’ħafna ħabi u segretezza ma’ dawn il-kumpaniji, iżda jibqa’ jżomm kollox mistur u moħbi.
//= $special ?>

