Internazzjonali

L-UNJONI EWROPEA: Stennija għall-effetti tal-ftehim dwar l-immigranti fost it-tħassib

Għad fadal tħassib dwar ftehim bejn l-UE u t-Turkija li għandu jidħol fis-seħħ għada u li jesiġi biex l-immigranti li jaslu fil-Greċja illegalment, jintbagħtu lura lejn it-Turkija f’każ li huma ma japplikawx għall-kenn politiku.

Il-ftehim jesiġi wkoll biex l-immigranti jintbagħtu lura fit-Turkija anki jekk l-applikazzjoni tagħhom għal kenn politika tispiċċa miċħuda.

Intant, uffiċjali tal-UE qegħdin jittamaw li l-Greċja, minn għada stess, tibgħat lura ‘ftit mijiet’ ta’ immigranti lejn it-Turkija. Iżda hu minnu li ħafna uffiċjali huma ukoll inkwetati dwar in-nuqqas ta’ preparamenti relatati għall-pjan rigward t-trasferiment tal- immigranti.

Korrispondenti li żaru wieħed mis-siti għar-reġistrazzjoni tal-immigranti fit-Turkija qalu li ftit raw sinjali li l-proċess jista’ jibda bla intoppi.

Dan waqt li n-Nazzjonijiet Uniti u l-gruppi favur id-drittijiet umani huma mħassba dwar il-ħarsien xieraq tal-immigranti u jekk ħafna mill-immigranti jistgħux ikunu sfurzati biex jitilqu lura lejn is-Sirja li għadha ddominata minn konflitt qalil.

Il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija, intant, jaħseb għall-kontroll aħjar tal-movimenti kontinwi tal-immigranti lejn l-Ewropa. Skont il-ftehim, immigrant Sirjan residenti fit-Turkija jrid jgħaddi minn proċess ta’ rilokazzjoni u jintbagħat f’pajjiż ieħor tal-UE, għal kull Sirjan li t-Torok jaċċettaw mingħand il-Greċja. Il-priorità, f’din ir-rilokazzjoni, tingħata lill-immigranti li ma ppruvawx jidħlu fl-UE illegalment.

Il-Ġermanja qalet li se tieħu l-ewwel minn dan il-grupp ta’ immigranti, bil-Ministeru tal-Intern f’Berlin isostni li l-maġġoranza ta’ dawn se jkunu familji bit-tfal.

Madankollu, uffiċjali fl-Awstrija qalu li pajjiżhom qed jaħseb biex jintroduċi kontrolli aktar stretti fl-artijiet tal-fruntiera komuni mal-Italja, bl-iskop li jrażżan il-mewġa tal-immigranti.

Fl-2015, ‘il fuq minn miljun immigrant u refuġjati waslu fl-UE, wara li qasmu bid-dgħajsa mit-Turkija għall-Greċja. Intant, fl-aħħar ġimgħat, għexieren ta’ eluf ta’ immigranti spiċċaw iżolati fl-artijiet Griegi, wara li pajjiżi lejn it-Tramuntana tal-Ewropa ddeċidew li jagħlqu l-fruntieri.