Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, provaw jiftħu kont bankarju f’Dubaj bħala parti mill-istruttura finanzjarja tagħhom barra l-pajjiż, iżda sabu problemi peress li huma “politically exposed persons”, jiġifieri persuni b’interessi politiċi.
Dan ġie rrappurtat mis-sit internazzjonali “The Financial Review” fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat illejla mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi, f’dik li qed tissejjaħ bħala l-ikbar investigazzjoni li kixfet lista’ ta’ politiċi b’kumpaniji moħbija fil-Panama għall-ħasil ta’ flus, kriminalita’ u korruzzjoni. Il-Ministru Konrad Mizzi tniżżel f’din il-lista.
Kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri għandhom ‘trusts’ fi New Zealand fejn ġo dawn it-‘trusts’ hemm kumpaniji sigrieti mwaqqfa fil-Panama.
‘The Financial Review’ tgħid li meta Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu dawn it-‘trusts’ fi New Zealand, “dawn kellu jkollhom rabta ma’ kont bankarju f’Dubaj kif ukoll ma’ żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama.”
Filwaqt li ż-żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama eventwalmen twaqqfu, kien hemm diffikulta’ biex jinfetaħ il-kont bankarju f’Dubaj wara oġġezzjonijiet mill-bank stess, li ismu ma ssemmiex.
Mhux magħruf għaliex Konrad Mizzi u Keith Schembri, permezz tal-istruttura finanzjarja tagħhom barra l-pajjiż, riedu jiftħu kont bankarju sigriet f’Dubaj.
Fi stqarrija maħruġa tard billejl, Konrad Mizzi saħaq li qal il-verità u baqa’ nsista li se jagħlaq il-kumpanija ladarba ssir it-Tax Audit. Hu qal ukoll li fil-kumpanija sigrieta m’għandux fondi.
//= $special ?>
