BLOGS

Rebbiegħa Politika Ġdida

Ir-riżultat emaftiku tal-elezzjoni tal-2013 li ta mandat b’saħħtu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat ħalla effett qawwi fuq ix-xenarju politiku lokali. Il-Partit Laburista kiseb maġġoranza li kixfet il-bżonn ta’ bidla fit-tmexxija ta’ pajjiżna, bidla msejsa fuq argumenti sodi li jirrigwardaw il-meritokrazija, l-akkontabbiltà u t-trasparenza.

Dan ir-riżultat, minkejja li xejjen lill-Partit Nazzjonalista, wassal messaġġ ċar li l-pluraliżmu fil-qafas politiku Malti ssaħħaħ u kkonferma dak li ilu jiġri sa mill-1966; is-supremazija taż-żewġ partiti l-kbar fl-alternanza reċiproka. Kienu diversi d-dibattiti, wara l-elezzjoni, li ffukaw fuq jekk l-Alternattiva Demokratika għandhiex tibqa’ komposta, u wara l-problemi interni li ġarrbet – anke minħabba r-riżenja ta’ Michael Briguglio – baqgħet għaddejja għalkemm impotenti għal kollox u aktar minn qatt qabel. Huma għalhekk interessanti tassew l-argumenti li qed jiċċirkundaw il-midja dwar it-twaqqif ta’ partit ieħor, li skont id-deputata indipendenti Marlene Farrugia jista’ jagħti nifs ġdid lill-politika Maltija. Imma biex nifhmu sewwa għaliex illum bdejna niddiskutu dan ix-xenarju, irridu nevalwaw sewwa x’qed iwassal għal diskussjonijiet li jirrigwardaw dan is-suġġett.

Jekk il-qagħda politika attwali tellfet il-fiduċja fil-pluraliżmu assolut, ir-responsabbiltà hija fuq il-Gvern li nawwar din l-istess fiduċja għaliex b’arroganza abbuża mill-istess meritokrazija, akkontabbiltà u trasparenza li fuqhom Joseph Muscat bena l-politika tiegħu. Dawn il-pilastri soċjopolitiċi kienu t-tama ta’ dal-poplu li wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea jistenna standards Ewropej. Dawn l-istess tliet pilastri qed ikunu mhedda mill-Gvern tal-ġurnata ma’ kull skandlu li jfaqqa’.

Il-meritokrazija sabet ruħha f’konfront paradossali u minħabba f’dan l-istat ta’ fatt, Toni Abela, innominat mill-Gvern sabiex iservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri safa umiljat quddiem il-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew għaliex l-għażla kienet aktarx waħda ta’ konvenjenza politika u mhux meritokratika, anke jekk il-persistenza tal-Membri Parlamentari Ewropej sabiex iwieġeb għall-korruzzjoni tal-Gvern kellha doża qawwija, possibbilment akbar, minn dik meritokratika. Il-kejl li jgħodd bih il-Gvern f’Malta, ċertament mhuwiex il-kejl li jgħodd bih il-Parlament Ewropew.

L-akkontabbiltà timxi pass pass mar-responsabbiltà politika li dal-Gvern ma jikkunsidrax b’fattur meqjus għad-demokrazija. Għadna sal-lum nistennew ir-riżenja tal-Minsitru Konrad Mizzi mill-Partit Laburista u mill-karigi pubbliċi li jżomm wara li allegatament għandu flus maħżuna fl-aktar pajjiż imsemmi għall-ħasil tal-flus, u issa jidher aktar ċar – ftit jemmnu l-possibbiltà tal-kumbinazzjoni – li hemm konnessjoni mat-trasferiment tal-ishma li kellha l-Gasol għal Electrogas u l-istess tarsferiment tal-kumpanija ta’ Mizzi minn New Zealand għal Panama sewwasew fl-istess jum.

It-trasparenza hija virtù fi ħdan il-verità, verità li la l-Prim Ministru u lanqas Konrad Mizzi ma jidhru li huma interessati jaffrontaw, għaliex il-verità hi li ma hemmx tweġibiet għall-mistoqsijiet bla għadd li qed tpoġġi quddiem it-tmexxija tal-Gvern il-midja indipendenti, biex ma nsemmux ukoll id-diversi programmi televiżivi li rrifjuta Konrad Mizzi.

Dan l-aġir li jxaqleb lejn prassi perikolużi qed inaqqi l-fiduċja fis-sistema politika Maltija li għal aktar minn 50 sena straħet fuq qafas pluralistiku. Huwa għalhekk li l-għajta tat-tielet partit qabdet tissaħħaħ, imma jekk bħala pajjiż għadx naslu biex ikollna partit ġdid li jgawdi persentaġġi ogħla ta’ fiduċja hija biss kwistjoni ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Simon Busuttil se jirnexxielu jikkonvinċi lill-poplu Malti li l-Partit Nazzjonalista huwa appuntu dak il-Partit li jista’ jieħu fuq spallejh ir-responsabbiltà ġenwina tal-onestà politika li tissejjes fuq il-meritokrazija vera u mhux tal-konvenjenza, l-akkontabbiltà li ssostni r-responsabbiltà politika u t-trasparenza li tagħti l-opportunità lill-poplu Malti jemmen li f’Malta hawn partit li jrid verament ikun ta’ servizz għall-Maltin kollha.

Ma għandix dubju li Simon Busuttil dan qiegħed jagħmlu hekk kif jixhed l-istħarriġ ta’ ftit ġimgħat ilu għax fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista nara konvinzjoni li fiha tintlemaħ viżjoni ta’ Malta ġdida: rebbiegħa politika ġdida.

Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd, 3 ta’ April 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.