Kunsilli Lokali

Tfixkil mill-kunsilliera tal-Partit Laburista f’San Pawl il-Baħar

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed kontinwament jsib tfixkil mill-kunsilliera tal-Partit Laburista fl-istess lokalita’. Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea u l-kunsilliera tal-PN qalu dan fi stqarrija fejn spjegaw li fl-aħħar laqgħa skedata li nżammet fl-14 ta’ Marzu, 2016, kunsillier tal-Partit Laburista qam minn fuq il-mejda sabiex b’hekk ma kienx fadal il-quorum meħtieġ għal-laqgħa u b’hekk il-laqgħa ma setgħatx titkompla, eżatt qabel ma kien ser ssir l-approvazzjoni tal-pagamenti.

Il-Kunsilliera ta’ San Pawl il-Baħar spjegaw li l-Partit Laburista qiegħed jara xi skuża ser jipprova jsib biex ikun jista’ jwaqqaf il-ħidma tal-Kunsill, bħal kwistjonijiet dwar il-ħin li fih jinżammu l-laqgħat tal-Kunsill u tal-live streaming. Fil-fatt il-live streaming, prattikament minn meta ġie nstallat fi żmien it-tmexxija tal-Partit Laburista, ma ħadem qatt, għax meta suppost kien jiffunzjona kien ikun hemm ilmenti li wieħed ma setax isegwi dak li qed jngħad. Wara dan, ukoll waqt l-amministrazzjoni preċedenti, din il-faċilita’ twaqqfet kompletament. Barra minn hekk, il-website tal-Kunsill li kienet tintuża għall-live streaming, waqfet taħdem ħesrem, kumbinazzjoni eżatt meta sar tibdil fit-tmexxija tal-Kunsill.

Bħalissa l-Kunsill qiegħed jagħmel dak kollu neċessarju sabiex dan il-live streaming jibda jiffunzjona mill-aktar fis, fosthom permezz ta’ website ġdida tkompli tgħid l-istqarrija ta’ Graziella Galea.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Partit Laburista ma għandu l-ebda ħsieb li jinvesti fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar. Wieħed ta’ min isemmi kif il-Gvern ma aċċettax li jgħin lill-Kunsill fuq xogħol ta’ toroq, kuntrarjament għal dak li sar fil-passat, kif ukoll għall-fatt li din is-sena il-Festival tan-Nar mhux ħa jsir f’din il-lokalita’ kuntrarjament għal dak li ġara fis-snin l-imgħoddija. Il-kunsilliera tal-Partit Laburista qiegħdin ikomplu bl-istess aġir, bħal estensjoni tal-Gvern Ċentrali, tant li diversi ma aċċettawx il-karigi mgħotija lilhom tkompli tispjega l-istess stqarrija.

L-uniku ħidma li qiegħda ssir minn uħud mill-kunsilliera tal-Partit Laburista hi dik ta’ tfixkil lejn il-ħidma li qiegħda tipprova titwettaq, ħidma li ta’ min wieħed isemmi bdiet bi kważi nofs miljun Ewro dejn minħabba t-tmexxija ħażina tal-Partit Laburista f’San Pawl il-Baħar, ħidma li ħarset biss sad-data tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali. Fil-fatt il-Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista qata’ kważi dan id-dejn kollu sabiex issa jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu spjegat is-Sindku.

L-istqarrija temmet tgħid li dan kollu mhux ħa jaqta qalb il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. “Il-kunsilliera ġew eletti sabiex iservu fil-lokalita’ lir-residenti li wrew il-fiduċja fihom. Dawk il-kunsilliera u r-residenti li vera għandhom għal qalbhom il-lokalita’ huma mistiedna biex jingħaqdu fil-ħidma favur din il-lokalita’”.