Tħabbret il-mewt tal-leġġenda tal-football Taljan Cesare Maldini fl-eta’ ta’ 84 sena. Cesare Maldini jibqa’ magħruf bħala simbolu tat-team ta’ AC Milan. Fil-fatt kien hu li fl-1963 bħala captain mexxa lir-Rossoneri għar-rebħa tal-kompetizzjoni Ewropea bil-final li kienet saret f’Wembley.
Maldini beda l-karriera kalċistika tiegħu ma’ Triestina fl-1953 iżda sena wara ngħaqad mat-team ta’ Milan fejn hemm bejn l-1954 u l-1966 lgħab 347 partita u rebaħ erbgħa kampjonati Taljani, Coppa Latina u t-tazza Ewropea. Wara l-karriera bħala player Maldini beda karriera bħala coach fejn kien parti mit-tmexxija tat-timijiet ta’ Milan, Foggia, Ternana u Parma. Mexxa wkoll lit-team nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena fejn għal tlett darbiet rebaħ il-kampjonat Ewropew. Fl-1996 ħa f’idejh it-tmexxija tat-team nazzjonali Taljan u baqa’ fit-tmexxija għal sentejn.
Maldini mwieled fi Trieste huwa missier leġġenda oħra tat-team ta’ AC Milan, l-eks captain Paolo Maldini.
//= $special ?>